Raġel ta’ 47 sena ta’ dixxendenza Ingliża u li huwa residenti l-Gżira, inżamm arrestat mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia wara li ġie mixli li kellu fil-pusses tiegħu 32 qartas tad-droga għal skop ta’ traffikar.
Il-prosekuzzjoni qalet li fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta li għadda waqt li l-Pulizija kienu qed jagħmlu r-ronda, ġew f’kuntatt ma’ karozza Mazda Demio u ssuspettaw li dak li kien hemm fiha kellu xi skopijiet ulterjuri.
Ingħad li wara li Paul Michael Kavanagh twaqqaf mill-Pulizija, wara li saret tfittxija nstabu 32 qartas ta’ kokaina u eroina. Huwa ġie mixli li kien fil-pusses ta’ din id-droga f’ċirkostanzi li juru li ma kenitx għal użu esklussiv tiegħu. Huwa ġie mixli wkoll li sar riċediv.
L-Avukat Ylenia-Marie Abela mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qalet lill-Qorti li fil-lejl ta’ 26 u s-27 Mejju li għadda waqt li kienet qed issir ronda bejn il-Gżiram l-Imsida u l-Gżira, il-Pulizija segwew karozza tal-marka Mazda Demio u wara l-akkużat ġie arrestat.
L-Avukat Francesca Zarb. staqsiet lill-prosekuzzjoni jekk il-klijent tagħha kienx ikkopera mal-Pulizija, bit-tweġiba tkun fl-affermattiv. Filwaqt li d-difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest u l-akkużat wieġeb mhux ħati, saret talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni opponiet għal din it-talba fejn qalet li l-akkużat għandu problema serja ta’ droga u kondotta kulurita fejn tidħol id-droga. Il-prosekuzzjoni qalet li huwa minnu li l-ammonti huma grammi u mhux kilos, imma dawn probabbli kienu sejrin għand 32 persuna differenti.
Raġuni oħra li l-prosekuzzjoni opponiet il-ħelsien mill-arrest kienet li m’għandux impieg fiss u l-biża li jikkommetti reat ieħor biex jiffinanzja l-vizzju tiegħu. L-akkużi, kompliet tgħid il-prosekuzzjoni, fuq droga jmorru lura 20 sena u li sfortunatemnt l-akkużat baqa’ nbidilx.
Il-ħabs huwa l-aħjar post li jista’ jmur għax hemm jista’ jieħu l-għajnuna għall-vizzju tiegħu. L-Avukat Abela qalet li l-problema tiegħu hi waħda akuta. L-Avukat Francesca Zarb qalet li jekk l-akkużat jingħata l-pleġġ se jkun qed jirrisjedi ma’ ommu s-sieħba tiegħu li tinsab preżenti fl-awla.
L-Avukat Zarb qalet ukoll li l-Qorti għalhekk ikollha s-serħan il-moħħ fejn dan jirrsijedi. Qalet ukoll li huwa Malti u għandu r-rabtiet mal-pajjiż u m’hemmx biża ta’ ħarba. Qalet ukoll li l-aħħar infrazzjoni fil-pedina penali tiegħu meta kiser dufrejgħ mal-ġustizzja kien snin ilu. Sadanittant, minkejja li hu riċediv, ma kiser l-ebda ordni tal-Qorti.
L-Avukat Zarb qalet ukoll li meta l-bniedem għadu preżunt innoċenti u ħallas għal dak li għamel, issa jrid jiġi notifikat li għamel perjodu ta’ snin bilgħaqal – u li l-aħħar reati lanqas kellhom x’jaqsmu ma’ akkużi simili. Dak li għamel għamlu aktar minn 20 sena ilu.
Zarb qalet ukoll li m’hemm l-ebda xhieda pajżana u għalhekk l-ebda biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi. U li jekk hemm xi għajuna għandu jibda jeħodha. Tenniet li jista’ wkoll jagħmel it-talba biex il-Qorti tikkonverti ruħha f’Qorti tad-droga.
Huwa importanti li jiġi segwit. Hawn qalet ukoll li idealment għandu jkollna l-ammonti eżatt kemm kien hemm droga. Sostniet ukoll li mal-mument li twaqqaf bil-karozza huwa indika fejn kienet is-sustanza u kkopera totalment.
“Kien fi triq it-tajba u jekk it-talba għall-ħelsien mill-arrest tiġi miċħuda tiġih agħar. Il-Qorti qalet li f’dan l-istadju, fid-dawl tan-natura tal-akkużi u l-kondotta tiegħu, kienet qed tiċħad it-talba. Qalet li huwa prematur f’dan l-istadju jingħata l-ħelsien mill-arrest u hemm il-biża’ li jikkommetti reat ieħor. Il-Qorti ordnat ukoll id-direttur tal-probation u parole; jaħtar uffiċjal biex isegwih. Hija ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi tal-imputat.
L-Avukat Ylenia-Marie Abela flimkien mal-Ispettur Alfredo Mangion mexxew il-prosekuzzjoni filwaqt li l-avukat Francesca Zarb dehret għall-akkużat.
//= $special ?>