Lokali

“Meta l-Ministri ma jkunux kontabbli jnaqqru mid-demokrazija”

L-avvenimenti riċenti li seħħew fil-Ġappun għandhom iservu ta’ tagħlima u eżempju ta’ prinċipju għall-Gvern Malti – lezzjoni ta’ kontabbiltà politika.

Dan intqal fl-editorjal tal-ġurnal The Malta Independent wara li l-Ministru tal-Agrikoltura Taku Eto rriżenja hekk kif waqt li l-Ġappuniżi qed iħabbtu wiċċhom ma’ prezzijiet għoljin, l-issa Eks Ministru Ġappuniż saħaq li hu qatt ma kien xtara ross. Fatt illi wera li m’għandux idea xi jħoss il-polz tal-poplu f’pajjiżu.

L-editur saħaq li din l-imġiba hija kuntrastanti ma’ dak li jseħħ f’Malta, fejn hawn numru kbir ta’ każijiet li Ministri jispiċċaw involuti fihom serjament.

Fil-fatt, Ministri bħal Byron Camilleri, Clint Camilleri u Ian Borg ħabbtu wiċċhom ma’ kritika qawwija quddiem nuqqas ta’ governanza tajba – bil-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ joħroġ għonqu għalihom. U saħansitra ma aċċettax ir-riżenja tal-Ministru Byron Camilleri.

Fl-editorjal jintqal kif dak li seħħ fil-Ġappun għal kuntrarju ta’ li aħna mdorrijin għalih f’Malta, iqajjem id-domanda ta’ meta Ministru għandu jirriżenja.

L-editur insista li meta dawn jevitaw għal kollox li jkunu kontabbli ta’ għemilhom, mhux biss ikunu qed inaqqru mill-fiduċja tal-poplu, iżda jkunu qed jimminaw l-istituzzjonijiet u d-demokrazija.

Huwa sostna li l-messaġġ li jasal f’Malta huwa wieħed ċar, li l-interessi tal-partiti politiċi jiġu qabel ir-responsabbiltajiet governattivi u eżekuttivi mistennija minn Kabinett u Prim Ministru. Bl-editur jinsisti li l-kontabbiltà mhux teatru, imma hija dwar Ministri li jerfgħu responsabbiltà tan-nuqqasijiet tagħhom, u li jaċċettawha – ċioè jirriżenjaw.

Riżenja minna nfisha hija att ta’ rispett fil-konfront tan-normi demokratiċi u tal-poplu li qed jirrappreżentaw dawn il-Ministri. Dan għaliex il-kontabbiltà mhux buzzword imma l-pedament tad-demokrazija… li l-mexxejja jridu jagħmlu minn kollox biex jiddefenduha u mhux moħħhom biss fil-poter, it-tgawdija tagħhom personali u l-voti.