mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’
F’intervista li ta ftit ilu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, qal li qiegħed jinnota xejriet li fihom il-koppji żgħażagħ qegħdin jagħżlu li jixtru żewġ propretajiet minflok waħda, kummenti li ġustament qajmu diversi mistoqsijiet dwar kemm din hija informazzjoni kredibbli.
Il-Partit Nazzjonalista kkritika dawn l-argumenti għaliex ir-realtà qiegħda turi li l-koppji żgħażagħ qegħdin isibuha diffiċli ħafna biex jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom – bil-bini dejjem jogħla l-istess bħall-għoli tal-ħajja – aħseb u ara kemm jistgħu jaffordjaw tnejn.
Skont studju preżentat mill-kumpanija KPMG, persuna waħda ta’ bejn l-20 u t-30 sena u li taqla’ salarju medju ta’ madwar €21,000, jiġifieri paga tajba ta’ €1,750 kull xahar qabel it-taxxa, tista’ taffordja proprjetà sa massimu ta’ €171,000. Madankollu, dan jikkostitwixxi biss 5.2% tal-appartamenti lesti fis-suq.
B’ħarsa ħafifa fuq l-internet, malajr issib li l-bini hu ferm ogħla minn dawn l-ammonti: appartamenti b’żewġ jew tliet kmamar tas-sodda fil-qalba ta’ Malta bħal Santa Venera jew Birkirkara jew l-Imsida jiswew madwar €250,000. Għal koppji żgħażagħ li jaħdmu f’impjiegi normali li jaqilgħu pagi aktar min-normali, aktar minn 60% tal-proprjetajiet huma assolutament inaffordabbli għalihom.
Madankollu, dawk li jaqilgħu l-paga minima jistgħu jafforjdaw biss 4.4% tal-proprjetajiet f’Malta, u dan skont sorsi kredibbli u studji riċenti.
L-isplużjoni fil-prezzijiet tal-proprjetà
Il-prezzijiet tal-proprjetà f’Malta komplew u qed ikomplu jiżdiedu, b’żieda ta’ 5% fl-aħħar kwart tas-sena 2024 meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Għalkemm għandu jkun innutat li l-paga minima qiegħda tiżdied, l-għoli tal-ħajja wkoll qiegħed jiżdied. Il-paga minima żdiedet b’€183.95 f’ħames snin, madankollu l-għoli tal-ħajja wkoll żdied sewwa speċjalment fl-2022 u fl-2023, b’7.4% u b’5.7% rispettivament. Ta’ min jgħid li dan l-effett għadu qiegħed jinħass anke jekk l-inflazzjoni qabdet tonqos. Dan jagħmilha kważi impossibbli għal żgħażagħ li qed jibdew il-ħajja tagħhom biex jixtru saħansitra proprjetà waħda, aħseb u ara tnejn.
Il-proposti tal-PN
Il-Partit Nazzjonalista ppropona diversi miżuri biex jindirizza l-kriżi tal-akkomodazzjoni, inkluż il-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni affordabbli, sussidji u inċentivi fiskali. Pereżempju, qegħdin ngħidu li għandu jkun offrut sussidju fuq l-imgħax tal-kera għal żgħażagħ li jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, kif ukoll għotja sa €20,000 għal dawk li ma jistgħux iħallsu d-depożitu ta’ 10%.
Madankollu l-aktar mistoqsija li tibqa’ tippersisti hija dwar jekk il-prezz tal-proprjetà għandux ikun stabbilit skont il-qies u l-akkwata biex b’hekk tkun aktar affordabbli. Ikun inutli li l-Gvern – ikun liema jkun – jagħti l-għajnuniet u mbagħad is-suq jerġa’ jassorbi immedjatment dawk l-għajnuniet fi prezzijiet ogħla.
Filwaqt li jista’ jkun hemm każijiet iżolati ta’ koppji li jixtru żewġ proprjetajiet, id-dejta turi li l-maġġoranza l-kbira taż-żgħażagħ f’Malta qed jaffaċċjaw sfidi kbar biex jixtru saħansitra proprjetà waħda.
Il-kummenti ta’ Zerafa jidhru li huma bażati fuq osservazzjonijiet limitati u ma jirriflettux ir-realtà ekonomika tal-maġġoranza. Il-kritika tal-Partit Nazzjonalista, għalhekk tissottolinea l-bżonn immedjat għal politika tal-akkomodazzjoni aktar sensittiva u realistika li tirrifletti l-isfidi li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ f’Malta llum waqt li tħares lejn kif jista’ jkollna suq li jirrifletti dejjem aktar ir-realtajiet ekonomiċi tal-lum.
Mhux iż-żgħażagħ biss
Hawnhekk irrid inħares lejn dimensjoni differenti, għaliex ħafna drabi nattribwixxu l-problema tax-xiri tal-proprjetà biss mal-koppji żgħażagħ. Madankollu rridu nirrikonoxxu li hawn ħafna aktar nies li wkoll qed isibuha bi tqila, bħal pereżempju persuna li jkunu għadhom kemm isseparaw.
Għalkemm jeżistu skemi bħal dawk tal-‘First-Time Buyers’ u tal-‘Home Equity Sharing’, dawn ġeneralment ma jqisux biżżejjed, jekk qatt, il-kuntest ta’ separazzjoni. Persuni li diġà kienu sidien ta’ dar mal-eks partner jispiċċaw ma jibbenifikawx mill-inċentivi disponibbli għaliex mhumiex qegħdin jixtru l-ewwel dar anke jekk fir-realtà ma jkollhom ebda dar. Ġeneralment jiġu kunsidrati bħala ‘second-time buyers’ meta jkunu mingħajr dar u ta’ etajiet li jqarrbu l-40 u l-50 sena u li ma jikkwalifikawx dejjem għal self mal-banek.
B’hekk, irridu naraw politika bi skemi ta’ appoġġ għal persuni separati li jkunu jridu jibnu ħajjithom mill-ġdid u li allura jixirqilhom akkomodazzjoni ġdida, affordabbli u li jistgħu jqisuha bħala ‘tagħhom’.
Forsi wasal iż-żmien li nikkunsidraw ħafna aktar l-allokazzjoni ta’ housing soċjali għall-każijiet ta’ separazzjoni, waqt li nibdew nirrikonoxxu dejjem aktar li dawn huma każijiet speċjali u li m’għandhomx jiġu trattati daqs min qiegħed jixtri biex jinvesti jew għal raġunijiet oħrajn.
Skont l-aħħar dejta disponibbli, sa Ottubru tal-2023, kien hemm mal-1,527 applikant fuq il-lista tal-akkomodazzjoni soċjali f’Malta. Minn dawn, 861 kienu familji b’ġenitur wieħed, li jinkludu wkoll każijiet ta’ separazzjoni. Madankollu, id-dejta ma tispeċifikax b’mod ċar kemm minn dawn l-applikanti huma koppji separati.
Kummenti irresponsabbli u insensittivi
Mela, nikkonkludi billi ngħid li l-kummenti b’mod ġenerali tas-Sur Zerafa huma irresponsabbli u insensittivi għal min għaddej minn diffikultà biex jikseb il-bażiku: saqaf fuq rasu.
Nistenna li l-Partit Nazzjonalista bħala Gvern alternattiv, ikompli jistudja minn xiex inhi komposta s-soċjetà Maltija u jressaq politika umana u realistika biex dawn il-problemi jkunu indirizzati dejjem aktar.
Ċertament, nemmen li x-Shadow Minister Ivan Bartolo kapaċi jifhem dawn ir-realtajiet u jkun katalist biex Malta tagħmel qabża ’l quddiem f’dan il-qasam.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 28 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>