minn Jessika Roswall
Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, għar-Reżiljenza tal-Ilma,
u għal Ekonomija Ċirkolari Kompetittiva
Konna ilna wisq nittraskuraw l-importanza tal-ilma. L-ilmijiet tagħna mniġġsin, l-għargħar u n-nixfa huma r-realtà l-ġdida tagħna, u d-domanda dejjem tikber għall-ilma qed tagħmel pressjoni kbira fuq ir-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa. L-għadd ta’ Ewropej milqutin mill-iskarsezza tal-ilma kważi rdoppja f’dawn l-aħħar għaxar snin. L-Ewropa qed tbati minn problema ta’ nuqqas ta’ ilma. Jeħtieġ li niżguraw li d-domanda għall-ilma ma tkunx ikbar mill-provvista.
Hu importanti li l-ekonomija tagħna timmaniġġja l-ilma b’għaqal, u għalhekk jeħtieġ li nibdew nużaw l-ilma b’intelliġenza. In-nuqqas ta’ ilma huwa sfida globali, u l-bqija tad-dinja qed tqis lill-UE bħala sors ta’ ispirazzjoni u ta’ soluzzjonijiet. Hu għal din ir-raġuni li l-UE qed tipproponi strateġija komprensiva għar-reżiljenza tal-ilma li tiddefinixxi kif l-Ewropa tista’ tuża l-ilma b’għaqal, u b’hekk igawdu n-nies, in-negozji u l-kompetittività tagħna, u l-ekosistemi tagħna. L-istrateġija hi bażata fuq il-prinċipju li “l-effiċjenza idrika tiġi l-ewwel” — li titbaxxa d-domanda qabel ma tiżdied il-provvista. Se nagħtu sostenn lill-pajjiżi biex jaġixxu fil-livelli kollha u fis-setturi kollha biex jiffrankaw l-ilma qabel ma jibdew jisfruttaw aktar riżorsi. L-ilma jiġi mmaniġġjat f’bosta livelli, u l-aktar adattati biex jieħdu azzjoni ħafna drabi jkunu l-awtoritajiet lokali u r-reġjuni.
Dan il-pjan huwa msejjes fuq ħafna liġijiet eżistenti relatati mal-ilma u fuq settur tal-ilma li hu minn ta’ quddiem fid-dinja. Iżda hemm bżonn li nieħdu aktar passi. L-ewwel nett, jeħtieġ li nsewwu u nipproteġu ċ-ċiklu idriku, li tilef il-bilanċ tiegħu. Kif? Billi niżguraw li l-ekosistemi tagħna jkunu sani, sabiex jaħżnu u jnaddfu l-ilma b’mod naturali. Billi nnaqqsu t-tniġġis u nnaddfu dak li diġà hemm fl-ilmijiet tagħna. It-tieni nett, nibnu ekonomija tal-UE li tuża l-ilma b’għaqal, u li tkun kompetittiva u ċirkolari.
Il-ħafna kumpaniji innovattivi tat-teknoloġija tal-ilma bbażati fl-Ewropa għandhom 40% tal-privattivi għat-teknoloġiji tal-ilma, iżda l-potenzjal li jinħolqu aktar negozji u impjiegi fl-industriji relatati mal-ilma għad irid jiġi sfruttat. Irridu nkabbru dak il-potenzjal u niksbu r-riżultati minnu, kemm fl-Ewropa stess kif ukoll fis-swieq globali. It-tielet nett, niggarantixxu ilma u servizzi sanitarji nodfa u bi prezzijiet raġonevoli għal kulħadd. L-ilma nadif hu essenzjali għalina lkoll: iċ-ċittadini, il-azjendi, l-industriji, u l-bdiewa.
Dawn l-għanijiet huma marbutin wieħed mal-ieħor. Ekosistemi sani jissalvagwardjaw iċ-ċiklu idriku tagħna, li jsostni lill-ekonomija tagħna, filwaqt li jipproteġuna mill-impatti tat-tibdil fil-klima. Settur tal-ilma b’saħħtu li jipprijoritizza l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, iċ-ċirkolarità, u l-innovazzjoni jkun aktar kompetittiv globalment u jgħin biex is-servizzi tal-ilma jkunu aċċessibbli u bi prezz raġonevoli. Servizzi avvanzati tas-sanità jiżguraw li l-ilma użat jiġi ttrattat qabel ma jerġa’ lura fin-natura, u b’hekk jiġu ppreservati l-istess ekosistemi li jsostnu ċ-ċiklu idriku.
Biex niksbu r-riżultati f’dan ir-rigward, l-istrateġija għar-reżiljenza tal-ilma tistabbilixxi sett ta’ għodod biex tgħin lill-Istati Membri jimmaniġġjaw l-ilma aħjar, filwaqt li jiffokaw ukoll fuq is-simplifikazzjoni.
Kull pajjiż jinsab f’qagħda differenti. Malta qed tesperjenza perjodi twal ta’ nixfa u livelli baxxi ta’ xita, u dan qed jaggrava l-iskarsezza tal-ilma. Fl-Istati Membri t-tnixxijiet tal-ilma jvarjaw bejn 8% u 57%.
Malta qed tinvesti fi proġetti biex ittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-ilma fl-agrikoltura u biex tnaqqas il-konsum tal-ilma fis-settur turistiku. Minkejja l-finanzjament mill-UE għall-qasam tal-ilma, għad hemm diskrepanza sostanzjali fl-investiment. Hu għalhekk li l-Istrateġija se tiffoka wkoll fuq il-mobilizzazzjoni ta’ fondi pubbliċi u privati ġodda biex ikun hemm titjib fl-infrastruttura u fit-teknoloġiji l-ġodda. Il-potenzjal għat-titjib huwa enormi, speċjalment permezz tad-diġitalizzazzjoni.
L-Istati Membri kollha jridu jagħmlu aktar biex jipproteġu s-sistemi tal-ilma tagħhom, jiżguraw l-effiċjenza tal-ilma, jindirizzaw il-problema tat-tniġġis, jimmaniġġjaw it-tibdil fil-klima, u jagħtu spinta lill-ġestjoni tar-riskju tal-għargħar. Xi wħud minnhom iridu jagħmlu aktar biex jimmodernizzaw l-infrastruttura tal-ilma tagħhom. Il-pajjiżi għandhom jagħtu prijorità lis-setturi li l-aktar li jikkunsmaw ilma, jew fejn l-aktar li jista’ jiġi ffrankat ilma.
L-Ewropej talbuna biex l-ilmijiet tagħna nipproteġuhom u nġibuhom mill-ġdid fi stat tajjeb. Bl-istrateġija għar-reżiljenza tal-ilma issa għandna pjan biex nibdew dan il-proċess. L-ilma jagħmel parti mill-ġid komuni u r-responsabbiltà għalih hi tagħna lkoll. Il-kooperazzjoni u l-qsim ġust tal-piżijiet bejn l-utenti tal-ilma fiċ-ċirku idriku huma kruċjali u jridu jitjiebu fil-futur. Li nużaw inqas ilma fid-dar jista’ jidher bħala azzjoni ċkejkna wisq meta wieħed iqis il-qagħda ġenerali. Iżda kull qatra tgħodd.
Flimkien ma’ bidliet strutturali dwar kif nużaw u nivvalutaw l-ilma f’kull setturi u pajjiż, nistgħu niżguraw li l-provvista tissodisfa d-domanda għas-snin li ġejjin. Hemm bżonn li kulħadd jiġbed ħabel wieħed biex insewwu ċ-ċiklu idriku tagħna u niggarantixxu ilma nadif għal kulħadd.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 28 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>