Opinjoni

OPINJONI: Imisshom jistħu

Il-poplu jtellgħek u l-poplu jniżżlek. Din hi frażi li smajniha kemm-il darba! Hija frażi li fis-sempliċità tagħha twassal messaġġ qawwi

minn Dorian Sciberras
Is-Sindku tal-Iklin

Il-poter jibda mingħand in-nies u jispiċċa għand n-nies. Għalhekk nagħmlu l-elezzjonijiet għax min imexxi jrid ikollu l-mandat u l-barka mill-poplu li jirrapreżenta.
Dan ifisser allura li sindku leġittimu jrid ikun dak magħżul min-nies; il-persuna li l-aktar li tkun ġabet voti mill-partit li kiseb il-fiduċja tar-residenti ta’ dik il-lokalità partikolari.
Dak li ġara fl-14 ta’ Mejju li għadda f’Ħal Għargħur iweġġagħna bl-ikrah għax jikkalpesta dak li nemmnu fih… jiġifieri r-rispett lejn iċ-ċittadini, ir-rispett lejn id-demokrazija.
Din mhux xi board game li fiha tħaddem rasek ta’ kif għandek tieħu vantaġġ u forsi jekk tagħmel mossa mhux skont ir-regoli ma ġara xejn. F’politika li hi mmirata lejn is-servizz hemm il-prinċipji u hemm il-morali. Jekk tal-inqas ma tirrispettax lill-avversarju politiku tiegħek, almenu rrispetta liċ-ċittadin – lil dak li lilu suppost qed tagħti servizz.
Fl-elezzjoni ta’ inqas minn sena ilu, il-poplu ta’ Ħal Għargħur tkellem ċar… il-poplu ta’ Ħal Għargħur għażel lil Helen Gauċi taħt il-bandiera tal-Partit Nazzjonalista biex tmexxih b’maġġoranza ta’ voti ta’ 62.3%.

Ħolqu anomalija
Għiduli intom kif tista’ qatt tkun ġustifikata sitwazzjoni fejn minoranza ta’ 37.7% ikollha t-tmexxija ta’ lokal bħal Ħal Għargħur? Kif tista’ tmexxi lokalità meta taf li l-maġġoranza tar-residenti ma jaqblux mal-viżjoni tiegħek – qed nitkellmu fuq id-deċizjoni li r-residenti ħadu inqas minn sena ilu!
Iżda fil-jiem li għaddew il-Partit Laburista u l-Kunsilliera ‘indipendenti’ għaddew romblu minn fuq din id-deċiżjoni u skartaw kompletament ir-rieda tal-poplu ta’ Ħal Għargħur. Dak rispett lejn l-elettorat!
Li tkun Sindku – bħalma dejjem għamlet Helen Gauci – ifisser li verament tirrappreżenta lil-lokalità tiegħek u tkun il-vuċi tal-lokalità tiegħek. Aħna tal-Partit Nazzjonalista ma nemmnux f’sindki tat-taparsi.
Il-kunsilli ma għandhomx ikunu l-customer care tal-ministeri. Taparsi biddilna l-isem tal-Kunsilli għal ‘Gvern Lokali’ – però kienet bidla fl-isem biss. Nistaqsi jien: Għand min tridhom imorru r-residenti jekk mhux għand il-Kunsill Lokali tagħhom? Kif jista’ l-Kunsill Lokali jaqdi lir-resident tiegħu jekk qed jiġi imminat minn kull settur mill-Gvern Ċentrali?
Qegħdin f’sitwazzjoni fejn il-poteri tal-Kunsilli Lokali qegħdin jitnaqqru mill-Gvern Laburista bit-tama li l-Kunsilli jsiru bla skop. Nappella lill-Kunsillieri u lis-Sindki kollha ta’ Malta u Għawdex biex ma jaqtgħux qalbhom u jibqgħu jkunu l-vuċi tal-lokalitajiet tagħkom; jibqgħu jiddefendu l-interessi tal-lokalitajiet tagħhom.
Sfortunatament huwa biss il-Partit Nazzjonalista li verament jemmen fil-Kunsilli Lokali. Għall-Partit Nazzjonalista li temmen fil-Kunsilli tiġih naturali għax fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista hemm iċ-ċittadin u jagħmel dan għax jemmen fiċ-ċittadini tagħna’ għax iċ-ċittadin huwa fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.

Ma bqajniex siekta
Aħna s-Sindki u r-rapprezentanti tal-Partit Nazzjonalista fir-reġjun tal-Lvant – li minnu jagħmel parti wkoll Ħal Għargħur flimkien u mal-Iklin, Ħal Lija, Birkirkara, San Ġiljan, Swieqi, l-Imsida u Tas-Sliema – ma stajnix nibqgħu siekta. Proprju fil-jiem li għaddew ressaqna mozzjoni biex ir-Reġjun tal-Lvant jiddiskuti b’mod urġenti dak li qiegħed jiġri f’Ħal Għargħur u:
1) joħrog kundanna pubblika kontra l-aġir antidemokratiku li seħħ mill-Partit Laburista u l-Kunsilliera‘ indipendenti’;
2) jirringrazzja lil Helen Gauċi tax-xogħol li wettqet f’Ħal Għagħur… Helen Gauci li kulħadd jaf kemm hu għal qalbha Ħal Għargħur u kemm taħdem bla waqfien – grazzi Helen Gauci – kellhom bżonn ikun hawn iktar Sindki bħalek;
3) biex issir pressjoni fuq il-Gvern biex isejjaħ elezzjoni f’Ħal Għargħur mingħajr dewmien.
Inħeġġeġ lill-Kunsillieri li qegħdin jaqraw din l-opinjoni biex juru d-diżapprovazzjoni tagħhom dwar dak li qiegħed jiġri f’Ħal Għargħur… f’kull forum li jiffurmaw parti minnu.
Din tmur lil hinn minn solidarjetà; irridu niddefendu d-demokrazija. Dan mhux għal Helen Gauci jew għal Ħal Għargħur biss, iżda dan irridu nagħmluh għalina lkoll… dak li orkestraw f’Ħal Għargħur jistgħu jorkestrawh f’lokalitajiet oħrajn ukoll.
L-aħħar appell tiegħi jmur lejn ir-residenti ta’ Ħal Għargħur. Ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem dak li qiegħed jiġri. Il-Partit Laburista qiegħed ikażbar id-deċiżjoni tagħkom u qiegħed jimponi fuqkom tmexxija li intom ivvutajtu kontriha inqas minn sena ilu.
Semmgħu leħinkom għax hi l-vuċi tagħkom li trid tidwi kontra din l-inġustizzja. Aħna qegħdin hawn biex nagħmlulkom kuraġġ. M’intkomx waħedkom.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed magħkom u se jibqa’ magħkom. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tagħkom.
Huwa biss il-poplu ta’ Ħal Għargħur li għandu d-dritt jagħżel lil min imexxih.
Robert Abela għandu jsejjaħ elezzjoni f’Ħal Għargħur illum qabel għada! Roddu lura dak li sraqtu! Hekk biss tista’ ssir ġustizzja mar-residenti ta’ Ħal Għargħur.