Ewropa Lokali

Peter Agius jinħatar rapporteur tal-PPE dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal aktar Drittijiet lill-Persuni b’Diżabbiltà

Accept Analitiċi cookies to view the content.

L-MEP Peter Agius ressaq sett ta’ 14 -il emenda dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-Drittijiet għall-Persuni b’Diżabbiltà. Dawn l-emendi jenfasizzaw fuq ir-responsabilità tal-Unjoni Ewropea li tiżgura d-dinjità, l-inklussività u l-ugwaljanza fost iċ-ċittadini kollha tagħha.

Agius inħatar rapportuer tal-PPE minn żewġ kumitati, dak tal-Petizzjonijiet (PETI) u tas-Saħħa Pubblika (SANT) biex il-Parlament Ewropew jadotta riżoluzzjoni biex jissaħħu d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà. L-irwol ta’ Peter Agius għandu l-għan li jiżgura li l-persuni b’diżabbiltà jgawdu mid-drittijiet fundamentali kollha, inkluż id-dritt għax-xogħol, li jipparteċipaw fil-ħajja soċjali u politika ta’ pajjiżhom u anke li jiffurmaw familja.

Agius enfasizza li l-aċċess għal dawn id-drittijiet għandu jkun ikkunsidrat dritt bażiku fl-Unjoni Ewropea.

Fost proposti ewlenin oħra, Agius sejjaħ biex ċerti inizjattivi speċifiċi marbuta mad-diżabbiltà jiffurmaw parti mill-Aġenda Ewropea dwar it-trasformazzjoni diġitali u l-Intelliġenza Artifiċjali (AI). L-emendi jinkoraġġixxu l-użu tat-teknoloġija moderna bħal dik tal-ispeech recognition biex titjieb il-komunikattiva għall-Persuni li għandhom nuqqas ta’ smigħ u diffikultajiet fit-taħdit.

Waqt li jagħrfu l-importanza tal-parteċipazzjoni ċivika miċ-cittadini kollha Ewropej, il-miżuri proposti minn Agius jippromovu l-parteċipazzjoni attivita tal-Persuni b’diżabbilità mhux biss permezz tal-vot iżda anke bħala kandidati fl-elezzjonijiet. Huwa sejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tevalwa u tieħu azzjoni abbażi tal-aħħar elezzjonijiet Ewropej biex tiżdied l-inklużjoni fil-proċess elettorali.

Emendi oħra meħtieġa jinkludu l-bżonn ta’ iktar edukazzjoni inklussiva kemm fil-livell bikri sal-edukazzjoni ogħla; u iktar għodda għall-edukaturi biex il-metidoloġiji tat-tagħlim isiru iktar inklussivi. Agius sejjaħ ukoll biex kemm l-Ewropa u l-Istati Membri jappoġġjaw u jirrikonoxxu iktar l-irwol vitali tal-familja u ta’ dawk li joffru kura informali lill-persuni b’diżabbilità.

L-Aċċessibbiltà hija tema ewlenija fl-emendi proposti minn Agius. Huwa għamel referenza speċifika fuq l-aċċess fiżiku, li t-tabelli pubbliċi jkunu jistgħu jinqraw minn kulħadd; u ddisinjar inklussiv bħall-inizjattiva New European Bauhaus. Huwa sejjaħ għall-involviment ikbar mid-Disability Platform u r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet waqt dan il-proċess leġiżlattiv imsejjes fuq il-prinċipju ta’ “xejn dwarna, mingħajrna”.

“Dawn il-proposti jibdlu l-wegħdiet f’azzjoni konkreta”, qal Agius. “L-Unjoni Ewropea għandha tmexxi bl-eżempju billi tinkludi l-aċċessibbilità u l-inklużjoni f’kull qafas ta’ politika. Għandha wkoll tħeġġeġ u tagħmilha faċli għall-persuni b’diżabbiltà li jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet kollha li jsawru ħajjithom.”