Raġel ta’ 50 sena li ngħata l-ħelsien mill-arrest darbtejn, inżamm arrestat l-Erbgħa wara li wieġeb mhux ħati li daħal f’dar residenzjali u ħarab b’ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti, li minn sorsi ta’ minn jorbot fuqhom ilaħħqu s-€17,000.
Brian Mallia residenti Bormla, tressaq quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia l-Erbgħa waranofsinhar. L-Ispettur Shaun Pawney qal lill-Qorti li s-serqa minn residenza f’Raħal Ġdid seħħet fil-21 ta’ Mejju għall-ħabta tas-2:45pm.
Filmati tas-CCTV li ttieħed fi Triq Ninu Cremona wera lis-sid tad-dar joħroġ mir-residenza tiegħu fis-2:05pm u l-akkużat beda jsegwih. L-akkużat aktar tard deher jidħol fid-dar u aktar tard joħroġ mill-istess proprjetà.
L-akkużat kien liebes l-istess ħwejjeġ li kien liebes meta mar l-Għassa tal-Pulizija biex jiffirma l-ktieb tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor. Meta mistoqsi jekk għandux impjieg, huwa qal li jaħdem part-time fil-kisi u wieġeb mhux ħati ta’ serq aggravat, li kkawża ħsara volontarja lil proprjetà ta’ terzi, li kiser żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, u li kien reċidiv.
L-avukat difensur Arthur Azzopardi ma għamel l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju. Għaldaqstant inżamm arrestat. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia.
L-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Martina Calleja mexxiet il-prosekuzzjoni assistita mill-Ispetturi Shawn Pawney u Kurt Farrugia. L-avukat Arthur Azzopardi assista lill-akkużat. L-avukat Marcus Degiorgio deher għall-vittma.
//= $special ?>