Internazzjonali

Renju Unit: Interrogazzjoni intensiva wara l-inċidenti xokkanti f’Liverpool

Il-Pulizija ta’ Merseyside għadha qed tinterroga lir-raġel suspettat li nhar it-Tnejn, saq il-karozza għal fuq il-folol preżenti għall-parata biex tiċċelebra r-rebħ tal-kampjonat tal-Premier League minn Liverpool FC.

Ir-raġel minn West Derby, li għandu 53 sena, jista’ ‘l quddiem, ikun akkużat formament dwar attentat ta’ qtil tal-massa meta hu kien qed isuq il-karozza taħt l-influwenza tad-droga.

Is-suspettat jista’ anki jkun ipproċessat dwar il-ksur ta’ diversi regoli tas-sewqan waqt l-inċident f’Liverpool. Dan meta tal-anqas ħdax-il persuna li ntlaqtu mill-vettura waqt il-parata tat-Tnejn għadhom rikoverati l-isptar – bil-kundizzjoni tagħhom qed tkun irrappurtata bħala stabbli.

L-impenn għat-tindif u r-restawr tal-ordni f’Water Street – ix-xena tal-inċident xokkanti – issa hu dikjarat bħala konkluż, biz-zona terġa’ tinfetaħ lill-pubbliku.

Intant, kien hemm anki każ kurjuż fejn raġel partikulari spiċċa identifikat bħala ‘l-aggressur’ fl-inċident skont l-informazzjoni li ntbagħtet fuq il-midja soċjali – u bl-awtoritajiet, wara, jikkonfermaw li dan kien każ ċar ta’ identifikazzjoni żbaljata.