Lokali

Robert Abela maqbud: Qed jibża’ minn Neville Gafà

Issa konfermata – Robert Abela qed jibża’ jikkundanna l-kliem ta’ Neville Gafà. Bil-Prim Ministru litterlament maqbud ostaġġ.

Dan hekk kif għal darb’oħra l-Prim Ministru ġie mistoqsi minn dan l-istazzjon jekk jikkundannax lil Neville Gafà, speċifikament fuq dak li qal fil-konfront tal-Ministru Owen Bonnici – ċioè li l-istess Ministru ta kuntratt lil Mark Camilleri għax beża’ li jikxef dak li allegatament għandu fuqu. Bil-klikka estremista tal-Labour iddawwar il-kanuni fuq wieħed mill-Ministri tagħhom stess.

Madanakollu, wara allegazzjoni serja bħal din fuq Ministru tiegħu stess, Robert Abela – għax maqbud mill-klikka estremista – qed jibża’ jikkundanna l-kliem ta’ Gafà. U prova jattakka l-integrità ta’ dan l-istazzjon.

Interessanti li fil-passat Robert Abela ma beżax jiddefendi lill-Ministri tal-għażla tiegħu.

Madanakollu, issa donnu qed jibża’ jiċħad din l-allegazzjoni fuq Owen Bonnici filwaqt li m’għandux saħħa jattakka l-faxxa estremista tal-Labour li minn wara l-elezzjoni ta’ Ġunju li għadda ħadet kontroll assolut taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

U minkejja li Robert Abela stess ftit tal-jiem ilu ammetta li kien jaf bil-kuntratt li ngħata lil Mark Camilleri, s’issa fl-ebda ħin ma kkundanna la lil Neville Gafà u wisq inqas dak li qal fil-konfront ta’ Ministru tiegħu. B’sorsi mill-Partit Laburista jgħidulna li l-Prim Ministru, wara l-elezzjonijiet ta’ sena ilu,  litteralment spiċċa maqbud ostaġġ minn Neville Gafa u l-aġenda tiegħu.