Lokali Unjoni Ewropea

Roberta Metsola irċiviet l-unur Premio Pico della Mirandola f’Parma

Id-dinja nbidlet għall-aħjar meta sabet quddiema l-akbar sfidi. Ejjew nibqgħu nkunu l-katalisti tal-bidla. Kliem il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt li kienet qed tindirizza l-istudenti f’Collegio Europeo di Parma. Hija qalet li l-futur jinsab f’idejn l-Ewropej u li l-Ewropa trid tkun lesta għall-bidla.

Saħqet li wasal iż-żmien li l-Ewropa tagħmel il-bidla urġenti li qed jitolbu ċ-ċittadini – bidla li tistrieħ fuq aktar fiduċja, aktar opportunitajiet u aktar serħan il-moħħ.

“Issa huwa l-mument li nagħtu l-ispinta meħtieġa għat-tibdil – dak it-tibdil urġenti li qed jitolbu ċ-ċittadini. Biex nerġgħu nibnu l-fiduċja, nerġgħu nġeddu dak il-patt bejn l-istituzzjonijiet u n-nies, u nerġgħu npoġġu l-Ewropa f’idejn l-Ewropej,” qalet Metsola.

Metsola saħqet li ċ-ċittadini ma jitolbux ħafna mill-Ewropa – iżda jistennew li tkun effettiva u qrib tagħhom. “Iċ-ċittadini jridu Ewropa li taħdem, li tissimplifika l-ħajja ta’ kuljum, li toħloq impjiegi ta’ kwalità u opportunitajiet reali biex tinbena futur. Ewropa li tipproteġi – lill-poplu tagħha, lill-valuri tagħha, lill-fruntieri tagħha.”

Il-President Metsola sostniet li r-risposta għall-isfidi globali għandha tkun Ewropa iktar konxja, b’saħħitha u sigura, li tifhem li l-libertà individwali u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jiddependu fuq il-kompetittività ekonomika. “Għandna bżonn Ewropa li tnaqqas il-burokrazija, li tħalli n-negozji jikbru, joħolqu impjiegi u jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u l-intrapriżi ġodda.”

Metsola temmet id-diskors tagħha b’appell qawwi favur Ewropa aktar kuraġġuża u sigura, li tagħraf x’inhuma l-interessi strateġiċi tagħha u li taġixxi b’viżjoni u determinazzjoni fuq il-livell globali. “U Ewropa sigura hija waħda li taf x’inhu strateġiku. Il-paċi ma tiġix waħedha: trid tinbena, tiġi protetta, u rridu niddefenduha. Ħsibijieti jmorru fil-laqgħa tiegħi ma Papa Franġisku – raġel ta’ prinċipji, umiltà u konvinzjoni. Sibt l-istess ċarezza f’Papa Ljun XIV. Meta ltqajna għal quddiesa solenni ġimgħa ilu, sejjaħ għal dinja aktar magħquda u paċifika.”

Metsola sostniet li l-Ewropa trid titkellem u taġixxi b’kuraġġ. “Għalhekk huwa kruċjali li nsaħħu l-appoġġ tagħna lill-Ukrajna. Għal paċi ġusta u dejjiema – u dan għandu jkun ukoll l-għan tagħna meta nħarsu lejn il-kriżi fil-Lvant Nofsani u s-sitwazzjoni traġika f’Gaża.”

Fi tmiem l-attività, l-MEP Maltija rċiviet l-unur Premio Pico della Mirandola f’isem il-Parlament Ewropew.