Raġel ta’ 56 sena li ammetta li kkawża ġrieħi ħfief lil raġel anzjan waqt li mar jisirqu x-xahar li għadda, ġie kkundannat seba’ snin ħabs. Louis Mallia minn Raħal Ġdid ammetta l-ħtija għal akkużi ta’ serq aggravat u li pprova jikkawża ġrieħi gravi lil raġel anzjan bl-użu ta’ strument li jaqta’ jew bil-ponta.
Huwa ammetta wkoll li kkawża ġrieħi ħfief lir-raġel ta’ 65 sena, li heddu u li sar riċediv. Is-serqa seħħet fis-26 ta’ April 2025, f’residenza fl-Isla. Il-Qorti kkunsidrat in-natura serja tar-reati, inkluż ir-reat li twettaq fuq raġel ta’ 65 sena, il-“karattru refrattorju” ta’ Mallia kif ukoll l-ammissjoni bikrija tiegħu ta’ ħtija.
Il-Qorti kkundannat lir-raġel għal seba’ snin ħabs. Ħarġet ukoll ordni restrittiva ta’ tliet snin, li tidħol fis-seħħ ladarba Mallia jiskonta s-sentenza tal-ħabs.
Il-Maġistrat Gabriella Vella ppresediet il-każ.