GSSE 2025 Sport

DIRETT minn Andorra 2025: Ġurnata oħra pożittiva fejn ikomplu jagħtuna sodisfazzjon kbir dixxiplini bħall-Ġinnastika Artistika u l-Karate

Stephanie De Martino tkompli tkun protagonista għat-tim tal-Basketball tan-nisa tat-3 x 3 (Ritratt ta' National Lottery Malta)
Stephanie De Martino tkompli tkun protagonista għat-tim tal-Basketball tan-nisa tat-3 x 3 (Ritratt ta' National Lottery Malta)

Qomna għat-tieni ġurnata tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li bħalissa qed isiru f’Andorra. Wara li lbieraħ, il-kontinġent Malti fetaħ din l-edizzjoni, bir-rebħ ta’ xejn inqas minn 16-il midalja ta’ lewn differenti, b’ħamsa minnhom kienu tad-deheb, illum kull dilettant tal-isport lokali qed jittama li l-atleti Maltin ikomplu jibnu fuq is-suċċess tal-bieraħ u nkomplu bir-rebħ ta’ aktar midalji.

Illum jitkomplew aktar dixxiplini u jibdew oħrajn li fl-ewwel ġurnata ma kenux parti mill-iskeda ta’ logħob. Il-kompetizzjonijiet li huma pprogrammati għal-lum, u li fihom se jkun hemm atleti jew timijiet Maltin fl-azzjoni huma dawn:

  • L-aħħar stadju tal-Basketball 3 x 3, irġiel u nisa
  • Ġinnastika Artistika
  • Karate
  • Rugby 7s
  • Sparar
  • Għawm
  • Table Tennis
  • Tennis

Sparar Nisa | Eleanor Bezzina timmira li tirbaħ it-tielet midalja tad-deheb fl-10 metru air pistol

Dalgħodu attenzjoni speċjali fuq dak li qed jiġri bħalissa f’Serradells, fl-Isparar, meta tinsab fl-azzjoni l-Maltija Eleanor Bezzina fl-event tal-10 metri air pistol tan-nisa.

Bezzina hija l-favorita u t-tama ta’ Malta sabiex tirbaħ is-sitt midalja tad-deheb. L-atleta ta’ 48 sena, qed timmira li tagħmel hat-trick konsekuttiv fir-rebħ ta’ midalji tad-deheb f’din l-event, hekk kif fl-aħħar żewġ edizzjonijiet ta’ dawn il-logħob, Bezzina rebħet dejjem id-deheb għal Malta fl-10 metri air pistol.

Sparar Nisa | Eleanor Bezzina tgħaddi għall-finali

Kif mistenni, Eleanor Bezzina għamlitha għall-finali tal-10 metri air pistol tan-nisa fl-Isparar. Hi se tkun waħda mit-tmien atleti li se jieħdu sehem fil-finali, bil-mira ta’ Malta f’din l-event hi li niddefendu l-midalja tad-deheb li rbaħna konsekuttivament fl-aħħar żewġ edizzjonijiet li saru fil-Montenegro u f’Malta.

Fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni, Bezzina temmet it-tieni, b’total ta’ 554 punt; seba’ punti anqas minn Nevena Saranovic tal-Montenegro.

Sparar Irġiel | Gianluca Chetcuti wieħed mill-isfidanti għar-rebħ ta’ midalja fl-event tat-Trap

Fid-dixxiplina tal-Isparar, iżda fil-kategorija tal-Irġiel, dalgħodu jinsab fl-azzjoni Gianluca Chetcuti fl-event tat-Trap.

Jeżistu prospetti tajbin għal rebħ ta’ midalja minn Chetcuti, li attwalment jinsab fil-55 post fir-rankings tad-dinja tat-Trap u kien wieħed mill-atleti Maltin li ħa sehem fl-Olimpjadi ta’ Pariġi.

Sparar Nisa | Eleanor Bezzina tfalli r-rebħ tal-midalja tad-deheb u tispiċċa fir-raba’ post

It-tama li l-atleta femminili fl-Isparar, Eleanor Bezzina, tiddefendi b’suċċess ir-rebħ tal-aħħar żewġ midalji tad-deheb li l-Maltija kienet rebħet dejjem fl-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, intemmet għal kollox. Bl-istess mod, sfortunatament Bezzina naqset milli tagħmilha għal post fuq il-podium finali meta fl-event tal-10 metri air pistol, hi temmet fir-raba’ post fil-finali.

Ħasra u diżappunt, iżda l-isport Malti xorta għandu jibqa’ grat għas-suċċessi li Bezzina tagħtna fil-passat f’dawn il-logħob, bir-rebħ ta’ żewġ midalji tad-deheb f’dan l-event tal-Isparar.

Ir-rebbieħa tal-midalja tad-deheb f’din il-kompetizzjoni hi Nevena Saranovic tal-Montenegro.

Karate Irġiel | Dimitar Petrov eliminat fl-istadju tal-gruppi fl-event tal-Kata

L-atleta Malti ta’ 23 sena, Dimitar Petrov rebaħ logħba minn tlieta fl-istadju tal-gruppi, fl-event tal-Kata tal-irġiel biex sfortunatament ma kkwalifikax għal fażi finali ta’ din il-kompetizzjoni u kien eliminat. L-unika rebħa ta’ Petrov kienet kontra Antonio Pagliarulo ta’ Liechtenstein.

Karate Irġiel | Luke Galea jgħaddi għall-finali fil-kategorija ta’ taħt it-84kg

Fit-tieni ġurnata ta’ dawn il-logħob, id-dixxiplina tal-Karate se tkompli tagħtina aktar sodisfazzjon, meta s’issa għadna garanzija li llum se nirbħu żgur fidda oħra, jekk mhux deheb. Dan għaliex fil-kategorija ta’ taħt l-84kg tal-Irġiel, Luke Galea avvanza sal-finali kontra Tiago Serra Rodrigues tal-Lussemburgu.

Galea diġà lagħab kontra dan l-istess avversarju fl-istadju bikri ta’ din il-kompetizzjoni, u tilef 3-2. Nittamaw li fil-finali tkun storja oħra għal Galea.

Table Tennis Irġiel | Riżultati pożittivi mill-Maltin fl-event tas-singles

Fl-ewwel partiti li qed jintlagħbu dalgħodu mill-event tas-singles tal-irġiel tat-Table Tennis, f’Canillo fejn qed tintlagħab din id-dixxiplina sportiva, l-atleti rappreżentattivi f’isem Malta s’issa kellhom riżultati tajbin u b’diversi rebħ.

Fi Grupp C, Dmitrij Prokopcov, s’issa rebaħ tnejn minn tliet partiti. Hu rebaħ kontra Federico Giardi ta’ San Marino bl-iskor ta’ 3-0 u Stefan Radonjic tal-Montenegro 3-2, iżda tilef kontra Sharapel Elia ta’ Ċipru 3-2. B’dawn ir-riżultati Prokopcov temm it-tieni fil-grupp u jagħmilha għall-kwarti tal-finali ta’ din l-event.

Basketball 3 x 3 Nisa | It-tfajliet Maltin jgħaddu għall-finali kontra l-Lussemburgu. B’hekk s’issa għandna midalja tal-fidda garantita.

Malta għadha kemm assigurat ir-rebħ ta’ midalja tal-fidda, possibbilment anke deheb, hekk kif fis-semifinali tan-nisa tal-Basketball 3 x 3, it-tfajliet tagħna rebħu 21-12 kontra Ċipru.

Stephanie De Martino kienet l-aqwa skorer b’seba’ punti, filwaqt li Amber Melgoza u Danika Galea rrnexxilhom jagħmlu sitt punti kull wieħed.

Malta se tilgħab il-finali ta’ din il-kompetizzjoni, b’ċans li nirbħu d-deheb, aktar tard illum, fis-6pm kontra l-Lussemburgu.

Basketball 3 x 3 Irġiel | Malta titlef is-semifinali kontra Andorra u nfallu ċ-ċans li navvanzaw għall-finali

It-tim tal-Irġiel tal-Basketball tat-3 x 3, tilef is-semifinali kontra Andorra biex b’hekk sfumat fix-xejn it-tama li konna qed naspiraw għaliha li ngħaddu għall-finali biex nidħlu b’ċans li nirbħu d-deheb.

Kontra Andorra, Malta tilfet 21-16. B’hekk Malta temmejna t-tielet f’din l-event iżda mhux se nkunu qed nirbħu ebda midalja tal-bronż peress li l-pajjiżi parteċipanti f’din il-kompetizzjoni kienu tlieta biss.

Karate Irġiel | Luke Galea jirbaħ l-ewwel midalja għal Malta fit-tieni ġurnata ta’ din l-edizzjoni… is-sitt midalja tad-deheb u t-tieni waħda fil-Karate

Malta tibda t-tieni ġurnata tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra, bir-rebħ tas-sitt midalja tad-deheb.

Għal darb’oħra reġa’ kellna suċċess ieħor fid-dixxiplina tal-Karate, hekk kif Luke Galea fil-finali tal-Irġiel ta’ taħt l-84kg, għeleb l-isfida ta’ Tiago Serra Rodrigues tal-Lussemburgu bl-iskor ta’ 4-2 u sar it-tieni atleta mill-kontinġent Malti tal-Karate li rebaħ id-deheb f’dawn il-logħob.

L-ewwel midalja tad-deheb fil-Karate għal Malta f’Andorra waslet ilbieraħ permezz ta’ Jessica Galea.

B’kollox s’issa l-isport tal-Karate rebbaħ lil Malta tliet midalji; tnejn deheb u midalja tal-bronz, din tal-aħħar kienet mirbuħa minn Ibrahim Kalil Koska.

Rugby 7s Irġiel | Malta tibda b’rebħa kbira kontra l-Montenegro

It-tim tal-Irġiel tar-Rugby 7s ta’ Malta ma setax ikollhom bidu aħjar f’din l-edizzjoni ta’ dawn il-logħob meta fl-ewwel logħba li ntlagħbet kmieni llum waranofsinhar, ksibna rebħa konvinċenti u faċli ta’ 47-0 kontra l-Montenegro.

Sparar Irġiel | Gianluca Chetcuti u James Galea jibdew jisparaw fil-finali tat-trap

Tibda l-finali tat-trap tal-Irġiel, fejn Malta għandha żewġ tiraturi jieħdu sehem f’din l-event li possibbilment tista’ toffrilna emozzjonijiet sbieħ. It-tiraturi Maltin huma Gianluca Chetcuti u James Galea.

Skont ir-riżultati miksuba fl-istadju ta’ kwalifikazzjoni, Chetcuti kien it-tiratur li kiseb l-aħjar riżultat fost il-finalisti kollha, meta spara 123 punt.

Galea, fil-kwalifikazzjoni li saret dalgħodu, kiseb 119-il punt.

F’din, l-akbar favorit hu t-tiratur minn San Marino, Gian Marco Berti li fl-Olimpjadi tal-2020 kien rebaħ il-midalja tal-fidda, fil-mixed team trap.

Ġinnastika Artistikal | Sophie St John tirbaħ is-seba’ midalja tad-deheb għal Malta

Il-Ġinnastika Artistika tkompli tagħtina aktar rebħ u sodisfazzjon, bir-rebħ ta’ midalja tad-deheb fl-event tal-Vault tan-Nisa.

Sophie St John saret waħda mill-iżgħar atleti Maltin f’din l-edizzjoni li rebħet midalja u ta’ lewn id-deheb meta kklassifikat fl-ewwel post f’kompetizzjoni fejn fil-finali kien hemm tmien atleti, inkluż Maltija oħra, Julia Galea.

Din tal-aħħar spiċċat fis-sitt post tal-klassifika finali. St. John għelbet il-kompetizzjoni tal-Iżlandiża Rakel Sara Petursdottir. Id-differenza finali bejn it-tnejn fil-punti miksuba kienet ta’ 0.025, biżżejjed biex Malta ċċelebrat it-tieni midalja tad-deheb f’din id-dixxiplina waqt dawn il-logħob.

Ir-rebħ tal-midalja tad-deheb minn St. John timmarka s-seba’ midalja tad-deheb minn Malta f’dawn il-logħob u t-tieni waħda fil-ġurnata tal-lum.

Sparar Irġiel | L-ewwel midalja Maltija fl-Isparar f’Andorra

Fil-finali tat-Trap tal-Irġiel, Gianluca Chetucti rebaħ il-midalja tal-bronż għal Malta u l-ewwel waħda fl-Isparar meta temm fit-tielet post. Fl-istadju tal-kwalifikazzjoni, Chetcuti kien fl-ewwel post. F’din l-istess finali, Malta kellha tiratur, James Galea, li kklassifika fir-raba’ post.

Għawm Nisa | It-tieni midalja mirbuħa mill-għawwiema Sasha Gatt f’Andorra

L-ewwel midalja Maltija fl-Għawm, fit-tieni ġurnata ta’ dawn il-logħob waslet fis-sessjoni ta’ waranofsinhar, meta l-protagonista reġgħet kienet Sasha Gatt li wara li lbieraħ rebħet deheb f’din id-dixxiplina, illum rebħet midalja tal-fidda fl-1,500 freestyle tan-nisa.

Rugby 7s Irġiel | It-tieni rebħa minn żewġ partiti għal Malta

It-tim Malti tal-Irġiel tar-Rugby 7s qed ikompli juri s-superjoritá tiegħu f’din l-edizzjoni meta kiseb it-tieni rebħa minn żewġ partiti, u b’mod konvinċenti, meta għeleb lil San Marino 50-14. Dawn ir-riżultati huma indikazzjonijiet ċari li f’din id-dixxiplina, jeżistu prospetti sbieħ ta’ rebħ ta’ midalja ta’ kulur lewn id-deheb, tal-anqas hekk nittamaw.

Karate Irġiel | Il-Karate ikompli jagħtina aktar rebħ ta’ midalji, din id-darba bit-tieni waħda tal-bronż għal total ta’ erbgħa b’kollox

Aktar rebħ ta’ midalji minn Malta fil-Karate. Din id-darba kien Heorhi Denysov li rebaħ post fuq il-podium wara t-tmiem tal-event fil-Kumite ta’ taħt il-75kg, b’midalja tal-bronz.

Basketball 3 x 3 Nisa | Malta titlef il-finali kontra l-Lussemburgu u niksbu midalja tal-fidda

Sfortunatament it-tim tan-nisa tal-Basketball tat-3 x 3, falla r-rebħ tal-midalja tad-deheb fil-finali ta’ din id-dixxiplina, meta kontra l-Lussemburgu, it-tfajliet tagħna tilfu 19-15. B’hekk il-Lussemburgu tirbaħ id-deheb f’din id-dixxiplina tan-nisa, u Malta tikseb il-midalja tal-fidda.

Ġinnastika Artistika | Sophie St John terġa’ tagħmilha u tirbaħ it-tielet midalja tad-deheb f’dawn il-logħob

Fl-aħħar avvenimenti li għad baqa’ lllejla f’din it-tieni ġurnata ta’ dawn il-logħob, l-attenzjoni tal-isportivi Maltin terġa’ ddur fuq dak li qed jiġri fil-Ġinnastika Artistika.

U tabilħaqq li f’din l-edizzjoni għandna atleta femminili li nistgħu nibdew insejħulha bħala r-Reġina Maltija sportiva tal-mument. Din hi ħadd ħlief it-tfajla ta’ 15-il sena, Sophie St. John li għadha kemm rebħet midalja oħra tad-deheb, din id-darba fl-event tal-beam. St. John temmet l-ewwel f’din il-kompetizzjoni b’punteġġ finali ta’ 12.900. Din hija t-tieni midalja tad-deheb għal St. John fil-ġurnata u issa t-total ta’ midalji tad-deheb mirbuħa minn Malta telgħu għal tmienja. Dan ifisser li wara t-tieni ġurnata ta’ dawn il-logħob, il-kontinġent Malti rrnexxilu jilħaq l-aħjar ta’ Team Malta fi kwalunkwé edizzjoni preċidenti tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li sar lil hinn minn Malta. Minn issa ‘l quddiem, kull midalja oħra tad-deheb li tintrebaħ minn Malta hi parti minn rekord ġdid, f’edizzjoni tal-GSSE li ma saritx f’Malta, fl-ammont ta’ midalji tad-deheb mirbuħa minn Malta.

Brava Sophie, bravi l-atleti Maltin!

Għawm Nisa | Malta tirbaħ it-tieni midalja u t-tieni waħda tal-fidda fil-ġurnata

L-isport akwatiku tal-għawm qed ikompli jagħtina r-rebħ ta’ aktar midalji. Għalkemm illum għadna ma ksibna ebda midalja tad-deheb, it-tim Malti tan-nisa, tal-4×100 metri freestyle, kompost minn Victoria Balderacchi, Zoe Cawsey, Nirvana Micallef, u Michela Portelli daħlu fit-tieni post fil-finali ta’ din l-event, biex b’hekk Malta kompliet iżżid mal-ammont ta’ midalji li diġà rebħet, u b’din t’issa l-ammont ta’ midalji tal-fidda mirbuħa minn Malta żdiedu għal tmienja. Din hija t-tieni midalja tal-fidda fil-ġurnata fl-għawm minn Malta, wara dik mirbuħa aktar qabel minn Sasha Gatt.

Qed noqorbu lejn tmiem it-tieni ġurnata iżda l-Maltin għadna nistennew nirbħu aktar midalji qabel intemmu jum ieħor pożittiv f’Andorra

Tassew resqin lejn it-tmiem tat-tieni ġurnata ta’ logħob f’Andorra, però qabel intemmu din il-ġurnata ta’ kummentarju bil-miktub ta’ kull ma seħħ illum, baqa’ ċans li nirbħu aktar midalji u tad-deheb ukoll. Il-prospetti eżistenti huma fil-Ġinnastika Artistika u t-Table Tennis.

Ginnastika Artistika Nisa | Tlifna ċ-ċans li nirbħu midalja oħra tad-deheb bi ftit

Konna tassew qrib li nirbħu d-disa’ midalja tad-deheb, iżda daqstant ieħor ‘il bogħod. Fl-event tal-floor routine, fallejna bi ftit l-ewwel post, iżda xorta ksibna żewġ postijiet fuq il-podium finali bir-rebħ tat-tieni u t-tielet post rispettivament. Julia Galea rebħet fidda u għal darb’oħra terġa’ tkun Sophie St. John li tirbaħ midalja oħra għal Malta, din id-darba l-ħames waħda personali tagħha, din id-darba ta’ lewn il-bronż.

Table Tennis Irġiel u Nisa | Żewġ midalji tal-fidda fil-finali tas-singles tal-Irġiel u tan-Nisa

L-aħħar impenn sportiv għall-Maltin f’din il-ġurnata kienu ż-żewġ finali tas-singles tat-Table Tennis, kemm tal-Irġiel kif ukoll tan-Nisa. Iż-żewġ plejers rappreżentanti Maltin, li din l-edizzjoni t’Andorra m’hijix l-ewwel waħda tagħhom jilgħabu għal Malta, wara li kienu mogħtija ċ-ċittadinanza Maltija mingħajr m’għamdhom ebda konessjoni jew parantela Maltija, Felix Wetzel u Maria Carmelia Iacob avvanzaw sal-finali taż-żewġ kompetizzjonijiet rispettivi.

Sfortunatament, però, kemm Wetzel kif ukoll Iacob tilfu ż-żewġ partiti rispettivi tagħhom fil-finali tas-singles tal-Irġiel u tan-Nisa, biex Malta, li mingħajr ma nkunu kontroversjali iżda fattwali, għażlet li ċċaħħad atleti Maltin milli jipparteċipaw f’dan l-istadju biex jilagħbu dawn bl-objettiv li nirbħu d-deheb, kellha tikkuntenta b’żewġ midalji oħra tal-fidda.

Wetzel tilef kontra Luka Mlademovic tal-Lussemburgu bl-iskor finali ta’ 3-2, filwaqt li fis-singles tan-nisa, Iacob tħabtet ukoll sal-aħħar bit-tama li tirbaħ id-deheb, iżda xorta waħda tilfet kontra Sarah De Nutte tal-Lussemburgu bl-iskor ta’ 3-2.

Konklużjoni tal-jum bi ħsieb ġenwin

Dak kollox għal-lum. Anke llum, fit-tieni ġurnata ta’ dawn il-logħob, kellna ġurnata twila u impenjattiva iżda sa minn dalgħodu konna magħkom b’kummentarju bil-miktub, inżommukom aġġornati bl-aħħar dettalji u riżultati mill-kamp Malti.

It-tieni ġurnata kienet waħda pożittiva wkoll għalkemm ma ksibniex l-istess jew iżjed midalji mill-ġurnata inawgurali. L-ammont totali ta’ midalji mirbuħa s’issa hu ta’ 28, bi tmienja minnhom huma tad-deheb.

M’hemmx dubju li s’issa dawn il-logħob kienu suċċess għal Malta u jidher ċar, li dawk id-dixxiplini sportivi li forsi ma jkollhomx promozzjoni daqs dixxiplini sportivi oħra, qed jibqgħu jaħdmu fi skiet, strateġikament tajjeb u f’dawn l-aħħar snin kienu kapaċi jrawmu t-talent lokali, li fil-maġġoranza tiegħu hu mija fil-mija Malti, b’referenza ċara għad-dixxiplini sportivi tal-Ġinnastika Artistika u l-Karate.

Forsi wara li jgħaddu dawn il-logħob, kulħadd, inkluż aħna, il-persuni involuti fil-midja u l-ġurnaliżmu sportiiv, għamdna nibdew nagħmlu analiżi u eżami tal-kuxjenza ta’ x’għandu jkun prijoritá jew le fir-rappurtaġġ tagħna.

Illejl it-tajjeb lil kulħadd.