Il-Gvern tal-President Amerikan, Donald Trump, issa, ħareġ id-direttivi biex l-ambaxxati tal-Istati Uniti madwar id-dinja ma jkomplux jiffissaw l-appuntamenti għall-visas tal-istudenti barranin. Fl-istess ħin, il-Gvern beħsiebu jespandi l-proċess għal-‘vetting’ (evalwazzjoni) tal-materjal li l-applikanti jistgħu jiċċirkulaw fuq il-midja soċjali.
Il-‘vetting’ hu indirizzat, primarjament, għall-barranin li japplikaw għall-visas biex jistudjaw fl-Istati Uniti taħt l-iskemi għall-iskambju tal-istudenti, Proċess li anki, ‘il quddiem, se jkollu ‘implikazzjonijiet sinifikanti’ għall-ambaxxati u l-konsulati.
L-aħħar direttiva, intant, qed tinkwadra fil-kampanja ‘ta’ ripressjoni’ li Donald Trump qed imexxi fir-rigward tal-aktar universitajiet rinomati tal-Istati Uniti – fosthom l-Università ta’ Harvard.
Trump iqis lil dawn l-istituzzjonijiet tat-tagħlim bħala ‘wisq orjentati lejn il-politika tax-xellug’ – u meta hu akkuża lill-Gvernaturi tal-universitajiet b’li mhumiex jippruvaw jikkontrollaw il-mewġa tal-antisemitiżmu fuq il-kampus’. Dan b’referenza għall-protesti li l-istudenti qed jorganizzaw favur il-Palestinjani ta’ Gaza.
F’din is-sitwazzjoni, iċ-Ċina – li mhix daqstant rinomata għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem – sejħet biex l-Istati Uniti tipproteġi lill-istudenti internazzjonali.
Hu minnu li mijiet tal-eluf tal-istudenti Ċiniżi qed jattendu l-korsijiet tal-università fl-Istati Uniti – għaldaqstant, Beijing qed iħeġġeġ biex Washington ‘jissalvagwarda d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-istudenti barranin, inklużi ċ-Ċiniżi, li qed jistudjaw f’dawn l-istituzzjonijiet.
L-aħħar passi ta’ Trump komplew iżidu l-inkwiet għad-diretturi u d-dekani tal-universitajiet fl-Istati Uniti. Ħafna minn dawn l-universitajiet jiddependu mill-istudenti barranin għall-parti kbira tal-finanzjament tagħhom, peress li l-iskulari inkwistjoni jħallsu l-miżati aktar għoljin għall-korsijiet.
Sa ftit ilu, l-istudenti barranin li xtaqu jistudjaw fl-Istati Uniti kienu rikjesti biex jirranġaw għall-‘interviews’ fl-ambaxxata Amerikana ta’ pajjiżhom qabel setgħu jserrħu rashom mill-approvazzjoni.
Sadanittant, id-Dipartiment tal-Istat Amerikan tenna li qed jieħu b’serjetà kbira l-proċess tal-vetting għall-barranin li jidħlu l-Istati Uniti u li l-proċess għandu jkompli għal żmien indeterminat.
//= $special ?>