Lokali Parlament

2,927 permessi għall-iżvilupp f’Tas-Sliema

Il-permessi għall-iżvilupp f’Tas-Sliema mill-2013 sal-2024, fl-aħħar 12-il sena, laħħqu aktar minn 2,900 – eżatt 2,927 il-permess.

Dawn iċ-ċifri ma jinkludux dawk il-permessi li, wara li nħarġu, ġew revokati mill-Awtorità tal-Ippjanar jew mit-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar Ambjent u Ippjanar, jew mill-Qorti; ċedut mill-applikant; jew, fejn l-applikant ma ssottomettiex dak mitlub fid-deċiżjoni, l-applikazzjoni wara ġiet miċħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar.

L-istess ċifri jinkludu l-permessi għal kull tip ta’ applikazzjoni, sew għal binjiet ġodda kif ukoll applikazzjonijiet għal tibdil jew tnaqqis jew żidiet għal binjiet eżistenti jew bdil fl-użu ta’ strutturi eżistenti; u jinkludu applikazzjonijiet għal permessi sħaħ, permissi dwar il-mertu (Outline), li permezz tagħhom ma jista’ jsir ebda żvilupp, kif ukoll permessi għal tiġdid.

Dan it-tagħrif ingħata fil-Parlment mill-Ministru Clint Camilleri għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ.

Jirriżulta li fis-sena 2013, is-sena li fiha l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern, inħarġu 117; fl-2014 142; fl-2015 171; fl-2016 260; fl-2017 329; fl-2018 385; fl-2019 331; fl-2020 215; fl-2021 249; fl-2022 212; fl-2023 224; u
fl-2024 292.

Dan ifisser li l-permessi, mis-sena 2013 sas-sena li għaddiet aktar minn irduppjaw.