Lokali Qorti

Chris Cardona qal li ma setax jieħu passi legali meta “Il-Koħħu” semmieh fil-pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia

L-Eks Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona kien l-ewwel xhud tad-difiża u meta huwa kien mistoqsi għaliex qatt ma ħa azzjoni legali fuq allegazzjonijiet li kien fost dawk li qed jippjana l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, huwa qal li ma setax jieħu passi legali peress li kien dak li xi ħadd kien qed jgħid dwar xi ħadd ieħor.

Ix-xhieda hija referenza għall-allegazzjonijiet magħmula mix-xhud prinċipali Vince Muscat, fejn dan kien qal li sema’ lill-aħwa Degiorgio jitkellmu dwar pjan preċedenti biex tinqatel Daphne Caruana Galizia fl-2015 permezz ta’ rifle. Skont Muscat l-aħwa kienu jgħidu li l-moħħ wara l-pjan tal-qtil kien Chris Cardona.

Mistoqsi mid-difiża jekk ħax xi azzjoni meta Vince Muscat beda jsemmi l-involviment tiegħu f’dak li kellu jkun l-ewwel pjan tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Cardona qal li hu mar jagħmel dikjarazzjoni mal-Pulizija u ċaħad kollox. Ma sarux iktar domandi fil-konfront ta’ Cardona.

Dan fil-ġuri li qed jinstema’ f’awla 22 tal-Qorti kontra erba’ rġiel, b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017 u l-Avukat Carmel Chircop fl-2015. Il-ġuri issa daħal fil-31 jum tiegħu fejn id-difiża kompliet tressaq diversi xhieda in difesa. Dan il-ġuri li beda fil-25 ta’ April li għadda bil-provi jinstemgħu b’mod regolari bejn it-Tnejn u s-Sibt.

Fil-ġuri li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima, hemm akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop.

Chircop kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru, 2015, filwaqt li Caruana Galizia kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio.

Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-irġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

It-tieni xhud kien l-Avukat Arthur Azzopardi li fil-passat kien qed jidher għal Vince Muscat – “Il-Koħħu”. L-Avukat Azzopardi qal li kien qed jitkellem ma’ Vince Muscat fi Frar 2018 fuq każ differenti, li kien se jinstema’ f’Mejju jew Ġunju ta’ dik is-sena. Dr. Azzopardi qal li kien qal ukoll lil Muscat li mhux se jiddefendih fir-rigward tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-Avukat Azzopardi qal lil Muscat li kellu jkellem lill-Pulizija u li hu kien se jkellem lill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, l-investigatur ewlieni fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia, dwar il-maħfra. Arthur Azzopardi spjega li Vince Muscat qallu li kellu bżonn il-premju ta’ €1 miljun li kien qed jiġi offrut mill-gvern għal informazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia sabiex ikun jista’ jħallsu u jixtri xi cameras tas-sigurtà.

F’mument minnhom, l-Avukat Arthur Azzopardi kellu battibekk mal-Avukat Prosekutur Godwin Cini dwar it-tip ta’ mistoqsijiet li kien qed jagħmillu. “Messek taf aħjar li dawn id-domandi ma tistax tagħmilhomli legalment”, qal Dr. Azzopardi.

Hawn ix-xhud qal ukoll li ċerti domandi ma setax iweġibhom fuq dak li seħħ minħabba li jrid ikollu r-rilaxx fuq dak li qallu Vince Muscat. F’ħin minnhom il-qiegħa fl-awla saħnet ftit sew, bl-Imħallef tikkalma s-sitwazzjoni.

L-avukat Godwin Cini għall-prosekuzzjoni kompla bid-domandi tiegħu lill-avukat Arthur Azzopardi, u dan kien mitlub jikkonferma meta kienet l-ewwel darba li tkellem ma’ Keith Arnaud, u mbagħad biex jikkonferma jekk kienx iltaqa’ ma’ Arnaud l-Università.

Dr. Azzopardi qal li ltaqgħu f’postijiet oħra iżda mhux ċert liema minnhom ġie l-ewwel. Dr. Cini talbu jikkonferma jekk fl-ewwel żewġ laqgħat kienx semma l-maħfra presidenzjali lil Arnaud. Azzopardi qal “ovvjament li hekk ġara”.

L-avukat tal-prosekuzzjoni mbagħad jitolbu jikkonferma jekk fil-25 ta’ April 2018, kienx talab laqgħa urġenti ma’ Arnaud. U hawn Dr. Azzopardi jikkonferma. Dr. Cini staqsa lil Azzopardi jekk f’xi punt, Vince Muscat kienx isemmi theddida li tinvolvi l-aċidu.

Hawn Dr. Azzopardi qal li Muscat kien jibża’ minn theddida, u qal li hu kien daħħalha f’rasu li l-aċidu kien se jintefa’ fuq wiċċ wieħed mill-membri tal-familja tiegħu. Azzopardi sostna li Muscat kien l-aktar imħasseb dwar xi ħaġa ħażina kienet se tiġri lil bintu.

Ix-xhud qal li kien Muscat li semmielu l-miljiun ewro li kien se jingħata bħala premju mill-Gvern. Tenna li hu lanqas biss kien jaf b’dan il-miljun. Tenna li meta staqsa lil Arnaud dwar dan il-premju, l-Assistent Kummissarju qallu: “Ma tarax li jingħata miljun ewro lil xi ħadd li kien involut fi qtil.” Hawn l-Avukat Azzopardi xehed li lil Arnaud hu qallu biex aħjar joqgħod attent mela għax malajr joqgħod “jilgħab”.

F’dan il-ħin l-avukati tad-difiża talbu li jagħmlu punt legali. F’ħin minnhom l-Avukat Azzopardi u l-ġurati kienu mitluba jitilqu mill-awla tal-Qorti. Id-difiża ma qablitx mal-linja li kienet qed tieħu l-Prosekuzzjoni. L-Avukat Ishmael Psaila qal b’vuċi għolja, “Allaħares kelli nistaqsi lil Dr Azzopardi dak li rrid nistaqsi, għax kieku għandna tlett ijiem oħra hawn”.

Huwa saħaq li l-prosekuzzjoni għandha d-dritt li teżamina lix-xhud iżda fuq ix-xhieda li jkun ta u mhux tmur oltrè. “Hawn ma noqogħdux nitkellmu fuq xi ftira li ħa x-xhud mal-‘Koħħu.” Ir-referenza kienet għal mistoqsija li saret mill-prosekuzzjoni dwar Azzopardi li kien tard għal laqgħa bejn Arnaud u Muscat, fejn saret referenza għal ftira li dan tal-aħħar ikkonsma.

Wara sar punt legali, b’Azzopardi jiġi msejjaħ lura u jikkonferma għal darb’oħra li qatt ma semma l-premju ta’ €1 miljun lil Arnaud u li dwar dan sar jaf biss mingħand Muscat. Azzopardi qal li quddiem Arnaud u Muscat flimkien qatt ma semma’ l-kwistjoni tal-proklama. Hawn il-prosekuzzjoni f’dan il-ħin talbet li jsir konfront bejn l-Avukat Azzopardi u Keith Arnaud fuq il-kwistjoni tal-miljun ewro u l-proklama.

Arnaud qal li l-meeting bejnu, l-Avukat Azzopardi u Muscat kienu diversi, imma skont Azzopardi kien hemm tlieta, qalet il-prosekuzzjoni. Hawn Arnaud ntalab jekk jiftakarx kemm kien hemm u semma diversi, li skont hu kienu iktar minn tlieta. Arnaud ġab miegħu n-notamenti biex jissostanzja l-punt tiegħu fejn ma kienx speċifiku kemm saru meetings, imma diversi.

Arnaud qal li meta kienu t-tlieta flimkien, jiġifieri hu, l-Avukat Azzopardi u Muscat issemmiet il-proklama imma l-premju ta’ miljun ewro ma semmietx. L-unika darba li ssemma l-miljun, qal Arnaud, meta kien qed jiddiskuti mal-Avukat Azzopardi. Huwa qal li fuq il-proklama żgur li ssemmiet.

Dwar dan l-Avukat Azzopardi qal li kellu diversi meetings ma’ Arnaud u li tkellem fit-tul miegħu, imma fuq il-proklama tenna li meta tkellem Muscat ma kienx preżenti. Il-meeting tad-9 ta’ Ottubru tal-2019, Arnaud xehed li l-Avukat Azzopardi kien talbu biex ibiddel il-verżjoni. Arnaud qal li l-kelma biddel tinstema’ kerha.

“Il-Koħħu” beda jibża’ mil-leaks li kienu ħarġu fil-midja

Li ġara kien hemm kwistjoni fuq leaks li kienu ħarġu fuq il-midja. Dan għax Muscat beda u Azzopardi kien talab biex Muscat dak iż-żmien jirtira dak li kien qal Azzopardi, qal Arnaud, kien talab biex Muscat jirtira kollox, minħabba li l-istess Muscat kien qed jibża’ minħabba l-leaks li kienu ħarġu.

Arnaud qal li l-Avukat Azzopardi kien kellmu u qallu li kien hemm theddid fuq l-istess avukat. Fl-episodju fejn kienu Arnaud u Azzopardi waħidhom, l-Avukat Cini staqsa x’qalu fuq il-proklama u dan minħabba l-miljun ewro. “Azzopardi kien qal lil Arnaud, “oqgħod attent għax jilgħablek”. Dan wara li Muscat kien tkellem ma’ Arnaud, u din ġrat qabel it-tieni meeting.

Arnaud qal li ma jiftakarx li d-diskors fuq il-miljun ewro kien wara xi meeting jew iltaqgħu għal tal-apposta. Tenna li meta kienu jiltaqgħu mhux l-ewwel darba li d-diskors kien jaqa’ fuq Vince Muscat. Tenna li ħafna mill-meetings kienu jsiru għall-proklama.

Arnaud qal li darba saret laqgħa mal-Avukat Azzopardi u Muscat u preżenti kien hemm ukoll it-tifla tal-“Koħħu”. Madankollu baqgħet id-diverġenza bejn iż-żewġ xhieda fuq il-kwistjoni tal-proklama. Wara l-konfront li sar id-difiża ddikjarat li ma baqgħalhiex iktar provi xi tressaq.

Tibda r-replika minn naħa tal-prosekuzzjoni

Fis-sessjoni ta’ wara nofs inhar bdiet ir-replika minn naħa tal-prosekuzzjoni. L-Avukat Anthony Vella indirizza lill-ġurati fejn l-ewwel irringrazzjahom tax-xogħol li qed jagħmlu. Ġuri ta’ żewġ każijiet serjissimi ħafna.

Qal li l-interess huwa li ssir ġustizzja fejn dan huwa t-tieni indirizz u l-aħħar darba tal-prosekuzzjoni wara li kienet indirizzat lill-ġurati fir-rekwiżitorja. Qal li x’joħroġ mill-provi huwa mportanti. “Tridu tagħmlu analiżi kompluti tal-provi kollha li ġew quddiemkhom. Importanti li taraw il-provi kollha u li tużaw il-bon sens tagħkhom,” qalet id-difiża.

Hemm diversi tip ta’ provi. Dawk li huma diretti. Hemm ukoll il-provi ċirkostanzjali, li huma ħoloq ta’ ktajjen li jorbtu ma’ xulxin u jwasslu lejn l-istess konklużjoni. Hemm ukoll il-‘hearsay evidence’, li tkun smajt lil xi ħadd jgħid xi ħaġa.

L-Avukat Vella qal li minn dak li ġabet il-prosekuzzjoni huwa indikattiv li l-erba’ akkużati għandhom jinstabu ħatja. Tenna li d-difiża tenniet li ħafna xhieda ma nġibux mill-prosekuzzjoni u li dawn kienu mportanti. Madankollu jekk kien daqstant importanti – d-difiża lanqas hi ma tellagħthom.

Qal li d-difiża qajjmet nuqqasijiet minn naħa ta’ min investiga fejn jidħlu diversi kriterji fosthom fuq filmati tas-CCTV’s. Tenna li l-investigaturi taħdem f’sitwazzjoni diffiċli u dawn fi stadju bikri tal-investigazzjoni jkunu qed jaħdmu billi jgħaddu minn prova għal oħra. Ikun hemm stanzi meta wara ftit ġranet il-footage ikun tħassar.

Huwa għamel aċċenn lill-ġurati biex jaraw il-provi kollha f’daqqa. Tenna li mhux qegħdin hawn biex issir inkjesta fuq l-investigazzjoni. Jaf ikun hemm ċertu raġunijiet legali għaliex ċerta evidenza ma tkunx tressqet quddiem il-ġurija.

Dr. Vella qal li fir-rigward tal-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia kienet ingħalqet u reġgħet infetħet biex tkompli l-investigazzjoni fil-konfront ta’ terzi persuni. Qal li llum hija magħluqa kompletament. Fuq il-bomba ma ġabuhiex l-akkużati, imma saret minn Kevin Ellul. Il-Brigadier Jeffrey Curmi kien eskluda li kien qed jaħdem fuqha Kevin Ellul – id-Double O, għax kieku kien jispiċċa bla idejn.

Kulħadd jaf is-saħħa tal-bombi fejn Romeo Bone spiċċa bla jdejn u saaqajn u kulħadd jaf kif spiċċat Daphne Caruana Galizia. Ma toħroġ imkien li din ħadet b’mod aċċidentali, kif kienet qed tgħid id-difiża. Il-feriti li sofra ħareġ ċar li mhumiex kompatibbli ma min kien qed jaħdem xi bomba.

Dwar dak li qalet id-difiża fuq Vince Muscat, li huwa giddied, il-prosekutur qal li ma jaqbilx. Tenna li gideb meta hemm il-provi li jikkoraboraw ma’ dak li qal. Anke meta Muscat qal li tnejn mill-akkużati ġabu tliet bombi, dak kollu qabel mal-provi. Kif qal Arnaud – għall-grazzja t’ Alla ma kellniex bomba oħra.

Dwar Vince Muscat qal li kulħadd jaf li huwa jbati fid-dati imma kulħadd jekk wieħed kien preżenti għal xi avveniment mhux se jiftakar kollox, ikun hemm dettalji li ma jiftakarx. Din hija xi ħaġa normali. Tenna li d-difiża faħħret għal mod kif xehed Melvin Theuma, u li fl-ebda mod ma wieġeb ma niftakarx. Wieħed hawn ma jridx jinsa li x-xhieda ta’ Melvin Theuma taqbel perfettament ma’ dik li qal “Il-Koħħu.”

Minbarra li Muscat qabel max-xhieda ta’ Theuma, anke mill-provi forensiċi rriżulta li huwa qal il-verità. L-Avukat Vella qal li d-difiża qalet biex wieħed jemmen lil Nicole Brignone, li għall-ewwel żammet lura milli titkellem, imbagħad inqabdet tigdeb. Qal li din kienet persuna li tabbuża mid-droga. Għaldaqstant l-istorja dwar Kevin Ellul, hija gidba.

Huwa qal li l-bomba mmarkat Ħaż-Żebbuġ fejn għandu l-garaxx Robert Agius u kien ikun hemm Jamie Vella. U meta l-bomba reġgħet inxtelgħet, immarkat il-Għargħur jew il-Mellieħa, le immarkat fejn hemm il-farmhouse ta’ Jamie Vella. Dan jeżonera lil Kevin Ellul. Dawn kienu tliet bombi tal-istess manifattura.

Lejliet li ġiet sploduta il-bomba ta’ Daphne Caruana Galizia, din immarkat in-Naxxar u dan jikkonferma li l-kirja tal-garaxx kienet viċin fejn toqgħod Caruana Galizia. Sadanittant Arnaud ikkonferma li għand Kevin Ellul, ma kienu sabu xejn, u dan wara li għamlu investigazzjoni ntensiva. Lanqas biss instabu traċċi ta’ splussiv fil-Mellieħa, u ma rriżulta xejn.

Il-prosekutur qal li Kevin Ellul iżeffen fe’dawn il-proċedura fuq gidba. Tenna li anke kieku wieħed kellu joqgħod fuq dak li kienet qalet Nicole Brignone li għamlet żmien toħroġ miegħu, hi qalet li qalilha – “ma tarax se nidħol għal din il-biċċa xogħol, mela jien iblaħ.”

L-Avukat Vella qal li mela Kevin Ellul l-ewwel kien il-vittma ta’ bomba, mbgħad żeffnu lilu fin-nofs li ħadem il-bomba. Tenna li huwa żgur li Ellul kien il-bogħod mill-bomba. Tenna wkoll li mill-investigazzjoni li saret mill-Pulizija, Ellul fl-ebda ħin ma kien qed ikun preżenti mal-eżekuturi.

L-Avukat Prosekutur qal li Adrian Agius kien qed jibża’ minħabba li l-mandat ta’ sekwestru li għamillu l-Avukat Carmel Chircop kien ifisser li kienu se jiġu ffriżati l-assi tiegħu, biex b’hekk iħassarlu n-negozju. Il-mara ta’ Carmel Chircop xehdet fil-Qorti li kienet beżgħata, u wara l-mewt ta’ żewġha ħadet flus inqas milli kellha tieħu, għax riedet tieħu ħsieb il-familha tagħha.

“Ix-xhieda tal-“Koħħu” kienet kredibbli

L-Avukat tal-prosekuzzjoni fakkar ukoll li Adrian Agius kien offra l-villa tiegħu lill-avukat Chircop, iżda din ma’ għoġbithomx, la lilu u l-anqas lil mara. Villa li kienet miżgħuda bid-dejn. Tenna li kulħadd jaf x’ġara wara li dan swieħ 20,000 ewro u biex tinxtara d-dgħajsa li jisimha Maya. Dan kellu giljottina fuqu, Chircop kellu t-titolu eżekuttiv u li dan jikkorobora ma’ dak li qal Vince Muscat.

L-Avukat Anthony Vella kompla jfiehem lill-ġurati dwar il-konsistenza li xhed biha Muscat u dwar meta kienu jagħmlu l-għassa lil Chircop f’kafeterija fin-Naxxar u meta marru jiffolowjawh il-Birgu waterfront. Kienu jafu li kellu Mercedes kbira u antika u li kienu għamlulu l-għassa mad-dar u li kienu skoprew il-binja fejn kellu l-garaxx.

Hemm fil-kumpless hemm tieqa li fiha kienu jaraw lil Chircop ġej bil-karozza għall-garxx f’Rampol Buildings, Birkirkara. Darba minnhom marru jagħmlu l-għassa u rawh jiftaħ il-garaxx u skoprew liema huwa l-garaxx tiegħu. Muscat semma l-pjan tal-qtil, fejn qal li kienu hu Jamie Vella u George Degiorgio, b’Vella jispara t-tiri fatali, filgħodu kmieni meta kien għadu jisbaħ.

Huma ippjanaw ukoll ir-rotta għall-ħarba. Il-prosekutur qal li Muscat mhux biss qalilhom dwar it-tieqa imma dwar il-pjan mill-bidu sa l-aħħar. L-Avukat Vella qal lill-ġurati li huma raw fl-aċċess dak kollu u li kollox hu korraborat. Tenna li Muscat qal li l-arma kienet revolver bħal tal-cowboys griż, u użaw din it-tip ta’ arma li ma tħalliex evidenza, Kellhom ukoll AK 47 u pistola għal dak li jista’ jinqala’.

L-Avukat ħeġġeġ lill-ġurati biex jisimgħu r-recordings u li dak li qal huwa kollu korroborat. Fosthom li ma nstabux skrataċċ, nafu li l-arma kienet tar-romblu, kif konfermat mill-espert tal-ballistika, hemm it-tiri, kif qal it-tabib espert Mario Scerri. Meta “Il-Koħħu” tkellem ma kienx jaf b’dawn l-esperti kollha li għamlu l-investigaturi.

Fuq il-flus li kien iħallas il-kirja ta’ garaxx Vince Muscat, saħansitra anke fejn kienu jiltaqgħu huwa fatt ukoll korroborat. Il-prosekuzzjoni qalet li għada ħa tkompli titkellem fuq jemm Muscat qal dak li kellu jgħid.

L-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella.

L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.