GSSE 2025 Sport

DIRETT minn Andorra 2025: Malta tagħlaq it-tielet ġurnata b’total ta’ 36 midalji mirbuħa, disgħa minnhom ta’ lewn id-deheb

Tennis
Tennis

L-ewwel nofs ta’ nhar ta’ filgħodu fit-tielet ġurnata tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li qed isiru f’Andorra, kienet waħda kwieta u ma kelna ebda rebħ ta’ midalji.

Ċikliżmu Irġiel | Diżappunt miċ-ċiklisti Maltin fil-kompetizzjoni tal-Cross Country

Illum kelna t-tieni jum mid-dixxiplina taċ-Ċikliżmu, u fil-Cross Country tal-Irġiel, l-atleti Maltin kellhom prestazzjonijiet bil-wisq deludenti. Fil-fatt f’kompetizzjoni fejn b’kollox kelna 19-il parteċipant, Malta kellha tliet ċiklisti jirrapreżentawna.

Luke Borg kiseb l-aħjar ħin minn fost it-tliet Maltin, meta kklassifika fl-14-il post, b’Clyve Chetcuti jidħol eżatt wara Borg, meta spiċċa il-Cross Country fil-15-il post.

It-tielet Malti f’din il-kompetizzjoni, Mark Bonnici, temm fil-posizzjoni ta’ qabel tal-aħħar.

Romano Puentener ta’ Liechtenstein kien ir-rebbieħ tal-midalja tad-deheb.

Table Tennis Nisa | It-tim tan-nisa jgħaddi għas-semi-finali li tintlagħab għada filgħodu

It-tim tan-nisa ta’ Malta, kompost minn Renata Strbikova, Maria-Carmelia Iacob matul il-ġurnata tal-lum beda’ l-impenji tiegħu f’Grupp A tal-kompetizzjoni tal-Women’s Team, billi lagħab iż-żewġ partiti skedati kontra l-avversarji l-oħra fl-istess grupp, Ċipru u l-Montenegro.

Fl-ewwel partita, Malta rebħet 3-0 kontra l-Montenegro u fit-tieni logħba, li ntlagħbet kmieni wara nofs in-nhar, Malta rebħet 3-0 kontra Ċipru.

B’dawn ir-riżultati, Malta avvanzat għas-semi-finali ta’ din il-kompetizzjoni, iżda s’issa għadna ma nafux min se jkun l-avversarju tagħna li se tintlagħab għada fid-9am. Ir-rebħ tal-midalji kollha f’din l-event se jintrebħu kollha għada, bil-finali hi skedata għas-1:15pm.

Table Tennis Irġiel | It-tim tal-Irġiel jirbaħ l-ewwel żewġ partiti, iżda jonqsu l-aħħar logħba minn Grupp A

L-iskwadra Maltija tal-Irġiel, magħmula minn Felix Wetzel u Dmitrij Prokopcov kienu dominanti fl-ewwel żewġ partiti minn tlieta li għandhom x’jilgħabu minn Grupp A, fl-event tal-Men’s Team; l-istadju ta’ qabel is-semi-finali.

Malta rebħet l-ewwel logħba 3-0 kontra l-Montenegro u fis-2:30pm, f’Edifici Perecaus reġgħet rebħet it-tieni partita, mingħajr ebda problemi, bl-iskor ta’ 3-0 kontra Ċipru.

Aktar tard illum, fis-6:05pm, Malta tilgħab l-aħħar logħba tal-grupp kontra l-Iżlanda. It-tim Malti tal-Irġiel jinsab fi triq it-tajba biex javvanza għas-semi-finali.

Tennis Nisa | Francesca Curmi tikkwalifika għas-semi-finali tas-singles

Għada Malta se tkun qed tilgħab is-semi-finali tas-singles tan-nisa tat-Tennis, meta l-atleta Francesca Curmi tse tkun qed taffronta lil Marie Weckerle tal-Lussemburgu.

Curmi bdiet l-impenji tagħha f’din il-kompetizzjoni fl-istadju tal-Kwarti tal-Finali, b’rebħa faċli ta’ 4-6, 1-6 kontra t-tennista Ċipprijotta Nina Andronicou.

Sfortunatament, f’din il-kompetizzjoni tas-singles tan-nisa, Malta ġarbet diżappunt b’Elaine Genovese, li fl-aħħar edizzjoni ta’ dawn il-logħob kienet rebħet il-midalja tal-bronż. Din id-darba, Genovese rebħet l-ewwel logħba tagħha fl-ewwel rawnd kontra Anna Soffia Gronholm tal-Iżlanda b’żewġ sets għal xejn.

Madankollu fil-Kwarti tal-Finali, Genovese sabitha diffiċli meta lagħbet kontra Tea Nikcevic u tilfet 2-6, 4-6 u b’hekk il-Maltija sfat eliminata minn din il-kompetizzjoni.

Tennis Irġiel | Alex Degabriele jikseb post mal-aħħar erbgħa fis-singles tal-Irġiel

Fin-nuqqas ta’ Matija Pecotić f’Andorra, il-Malti li kien rebaħ id-deheb fis-singles tal-Irġiel fl-aħħar edizzjoni ta’ dawn il-logħob, it-tama li Malta tiddefendi l-midalja tad-deheb din id-darba hi kollha ffukata fuq Alex Degabriele.

L-atleta Malti, illum irnexxilu jagħmilha għas-semi-finali ta’ din il-kompetizzjoni wara li fit-tieni rawnd għeleb lil Guillem Davasse Vidal t’Andorra b’żewġ sets għal xejn biex avvanza għall-Kwarti tal-Finali.

F’dan l-istadju, Degabriele reġa’ kien f’forma tajba biex ftit sab problemi biex jikseb passaġġ għas-semi-finali meta għeleb lit-tennist mill-Lussemburgu, Raphael Calzi 7-6, 6-2.

Fis-semi-finali ta’ għada, Degabriele se jkun qed jilgġab fl-10am kontra Valentin Vacherot ta’ Monaco.

Intant mill-istess kompetizzjoni tas-singles tal-Irġiel, Liam Delicata għal Malta kien eliminat fl-istadju tal-aħħar tmienja minn Andreas Timini ta’ Ċipru bil-punteġġ ta’ 3-6, 2-6.

Tennis Nisa | It-tim Malti tad-doubles jagħmilha għall-finali; b’hekk diġa’ aċċertajna mir-rebħ ta’ midalja tal-fidda

B’rebħa ta’ żewġ sets għal xejn, it-tim femminili Malti tad-doubles tan-nisa, għeleb lill-Andorra 2-0 biex aċċerta mir-rebħ ta’ midalja tal-fidda f’din il-kompetizzjoni u għada jilgħab il-finali kontra r-rebbieħ mis-semi-finali l-oħra, dik bejn il-Lussemburgu u Ċipru.

It-tim Malti tad-doubles tan-nisa hu kompost minn Elaine Genovese u Francesca Curmi.

Tennis Irġiel | Malta titlef id-difiża tal-midalja tad-deheb li ksibna sentejn ilu, fid-doubles tal-Irġiel

L-akbar diżappunt tal-ġurnata fit-Tennis wasal fl-event tad-doubles tal-Irġiel. Sentejn ilu, fl-edizzjoni li kienet saret f’Malta, pajjiżna kien rebaħ il-midalja tad-deheb. Din id-darba mhux se jiġri l-istess wara li l-koppja Maltija, Matthew Asciak u Alex Degabriele kienu eliminati kmieni fil-kompetizzjoni, b’telfa ta’ 6-2, 6-4 kontra koppja minn Monaco fil-Kwarti tal-Finali.

Għawm Nisa | Sasha Gatt tirbaħ l-ewwel midalja ta’ Malta fit-tielet ġurnata

Sasha Gatt qed tkompli tkun waħda mill-aqwa protagonisti Maltin f’Andorra, meta rebħet it-tieni midalja personali tagħha tad-deheb u t-tielet waħda overall f’din l-edizzjoni, fil-finali tal-400 metru freestyle tan-nisa.

Gatt daħlet qabel kulħadd f\ħin ta’ 4:17.52 biex għelbet il-kompetizzjoni diretta ta’ żewġ għawwiema mill-Iżlanda li daħlu fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

B’hekk b’din ir-rebħa ta’ Gatt, Malta rebħet id-disa’ midalja tad-deheb f’Andorra u ksirna r-rekord fir-rebħ ta’ midalji tad-deheb li kontinġent Malti qatt rebaħ f’edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar barra minn xtutna.

Għawm Nisa | Aktar midalji għal Malta fil-pixxina ta’ Esportiu Serradells

Ftit tal-ħin wara li ksibna t-tieni deheb f’dawn il-logħob fid-dixxiplina tal-Għawm, Malta reġgħet kisbet post ieħor fuq il-podium tal-midalji f’event minn din l-istess dixxiplina, din id-darba permezz ta’ Michela Portelli li rebħet il-bronż. Portelli temmet fit-tielet post fil-finali tan-nisa tal-100 metru butterfly. Din kienet il-11-il midalja tal-bronż għal Malta f’dawn il-logħob u midalja ġdida, li ma konnix ksibna fl-edizzjoni tal-GSSE li saru sentejn ilu f’Malta.

Intant f’din l-istess finali, Nirvana Micallef temmet fis-sitt post.

Atletika Irġiel | Bronż għal Malta fil-Long Jump

Ftit wara s-7pm, waslet l-ewwel midalja tal-ġurnata għal Malta fl-Atletika. Fil-Long Jump tal-Irġiel, Ian Paul Grech għamel qabża ta’ 6.79 metri biex akkwista l-midalja tal-bronż.

Atletika Nisa | Fl-1,500 metru, Gina McNamara ttejjeb il-ħin tagħha iżda tirbaħ fidda minflok deheb

F’Joan Samarra Stadium, fejn qed issir l-Atletika, illejla Malta qed tkompli żżid mal-ammont ta’ midalji li diġa’ ntrebħu. Fl-1,500 metru tan-Nisa, l-atleti Maltin Gina McNamara u Mireya Bugeja reġgħu rebħu midalja kull wieħed kif għamlu sentejn ilu f’Malta, bid-differenza li din id-darba tlifna l-midalja tad-deheb.

Fl-2023, McNamara kienet rebħet din il-finali, iżda din id-darba temmet it-tieni, bl-atleta mill-Lussemburgu, Vera Hoffmann Ep. Bertemes tirbaħ id-deheb. Bugeja, li f’Malta rebħet il-fidda, telgħet xorta waħda fuq il-podium, iżda bħala r-rebbieħa tal-midalja tal-bronż.

Iżda għalkemm McNamara kellha ċċedi r-rebħ ta’ din il-midalja mill-aħħar edizzjoni ta’ dawn il-logħob, il-Maltija xorta waħda waqfet ħin aħjar minn meta kienet rebħet id-deheb. F’Malta l-ħin ta’ McNamara kien ta’ 4:36.81 u din id-darba, l-atleta ta’ oriġini Amerikana, temmet l-istess distanza f’ħin iqsar ta’ 4’29.52.

L-atleta li rebħet id-deheb, iddominat din it-tiġrija u daħlet l-ewwel f’ħin ta’ 4’29.52.

Atletika Irġiel | Jarred Micallef itejjeb ir-rebħ tal-kulur tal-midalja mirbuħa fl-2023, fil-finali tal-1,500 metru

Fl-1,500 metru tal-Irġiel, Jared Micallef reġa’ rebaħ midalja oħra tal-fidda u tejjeb il-kulur tal-midalja mirbuħa minhu stess fl-edizzjoni preċidenti, meta kien rebaħ il-bronż fl-2023.

Micallef saħansitra tejjeb il-ħin tiegħu f’din l-event, meta mqabbel mal-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, b’kważi tnax-il sekonda.

Atletika Irġiel | Intemmu t-tielet ġurnata f’Andorra b’fidda oħra u nagħlqu l-jum b’total ta’ 36 midalji mirbuħa s’issa

L-aħħar midalja mirbuħa minn Malta għall-lum il-Ħamis terġa’ tkun fl-Atletika, din id-darba fil-finali tal-400 metru tal-Irġiel. Team Malta reġa’ kien protagonist bir-rebħ ta’ midalja tal-fidda kif konna għamilna fid-19-il edizzjoni ta’ dawn il-logħob, bid-differenza li din id-darba ma kienx hemm Graham Pellegrini jipparteċipa għal Malta iżda Matthew Galea Soler.

Dan tal-aħħar irnexxilu jiddefendi b’suċċess ir-rebħ ta’ din il-posizzjoni għalkemm il-ħin li kien waqqaf Pellegrini sentejn ilu kien bi ftit aħjar minn dak li daħal biħ illejla Galea Soler. Ir-rebbieħ tad-deheb reġa’ kien l-istess atleta minn Monaco, Téo Andant.

Ġurnata storika għall-isport Malti…ksirna r-rekord fl-akbar ammont ta’ midalji tad-deheb mirbuħa f’edizzjoni ta’ dawn il-logħob li saret barra minn xtutna, u fit-total sħiħ ta’ midalji ta’ kull kulur (l-edizzjonijiet tal-GSSE li saru f’Malta esklużi)

Dak kollox għal-lum. Bħall-jumejn ta’ qabel, anke llum kienet ġurnata impenjattiva, partikolarment wara nofs in-nhar. Fuq kollox kienet ġurnata li kompliet tagħtina aktar sodisfazzjon u issa nistgħu ngħidu b’mod uffiċjali, li skont l-miri li tkellem dwarhom il-Kumitat Olimpiku Malti, ftit jiem biss qabel il-bidu ta’ din l-edizzjoni, meta wieħed jiftakar li għad fadal jumejn oħra ta’ logħob u ħafna aktar midalji importanti x’jintrebħu, it-tragward ta’ Malta intlaħaq u inqabeż ukoll.

Ir-rebħ tal-midalji mirbuħa s’issa, mhux biss ifisser l-akbar numru ta’ midalji tad-deheb li Malta qatt rebħet sal-lum f’edizzjoni ta’ dawn il-logħob barra minn xtutna, iżda bħala ammont totali, meta mqabbel mal-aħjar edizzjoni li kelna sa’ qabel Andorra 2025, ċioé Liechtenstein fl-2011, diġa’ issuperajna bil-wisq l-ammont totali ta’ midalji mirbuħa ta’ lewn differenti. Dak in-nhar konna ksibna 29 midalja u s’issa diġa’ irbaħna 36 midalja.

Inkomplu bir-rappurtaġġ dettaljat tagħna għada filgħodu.

Grazzi talli erġajtu kontu magħna f’dan il-kummentarju bil-miktub ta’ dak li qed jiġri f’Andorra.

Il-lejl it-tajjeb.