Futbol Sport

‘Ħamrun Ħanin’ b’inizjattiva oħra biex jinġabru fondi għal kawżi ġusti

'Ħamrun Ħanin'
'Ħamrun Ħanin'

L-NGO fi ħdan Ħamrun Spartans FC, ‘Ħamrun Ħanin’ b’kollaborazzjoni mal-istabbiliment Tifosi Sports Bar, qed jorganizzaw attivitá b’differenza, b’għan li jinġabru fondi speċjali u għal kawżi ġusti. Permezz ta’ dawn il-fondi, l-entitá volontarja li hi responsabbli minn diversi inizjattivi ta’ CSR (Responsabilitá Korporativa Soċjali) organizzati mill-klabb Ħamruniż, tkun tista’ tkompli tgħin u tikkontribwixxi f’ħidma li qed issir bl-għan li tkun megħjuna l-komunitá li niffurmaw parti minha.

Din l-attivitá se ssir nhar is-Sibt li ġej, 31 ta’ Mejju, mis-1pm ‘il quddiem fil-Victor Tedesco Stadium, fil-Ħamrun. L-attivitá se tkun ġurnata speċjali, u li matulha se tkun qed tiġi organizzata jum ta’ logħob u divertiment għall-adulti u t-tfal.

Il-fondi kollha miġbura f’din l-attivitá, li se tkun miftuħa għal kulħadd, se jmorru kollha għal ‘Ħamrun Ħanin’, bl-għan li din l-NGO tkompli bil-kampanji pożittivi tagħha fil-komunitá tagħna u għal kawżi ġusti.