Lokali Parlament

Id-dinja ma tistax tibqa’ tagħlaq għajnejha għall-attakki ta’ Iżrael fuq il-Palestinjani

Ryan Callus, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus sostna fl-aġġornament tal-Parlament li d-dinja ma’ tistax tibqa’ tagħlaq għajnejha għall-attakki ta’ Iżrael fuq il-Palestinjani.

Hu qal li li qed naraw b’għajnejna mill-Gvern Iżraeljan f‘Gaża. Iżżejjed kollu żejjed. Ma nistgħux nibqgħu b’għajnejna magħluqa għall-ħruxijiet li twettqu fl-istrixxa ta’ Ġaża.

Il-Palestinjani f’Gaża qed jiġu mmassakrati. Bumbardamenti bla waqfien wasslu għal eluf ta’ tfal, nisa u rġiel maqtula brutalment.

Skond Amnesty International – l-organizzazzjoni internazzjonali li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja: ‘More than 51,300 people, including at least 17,400 children, have been killed by Israeli forces in Gaza since October 7, 2023, according to Palestinian health authorities’.

S’issa nqatlu 17,400 tifel u tifla.

Kif nistgħu nitkellmu kontra l-qtil mill-Ħamas tat-trabi u tfal fl-attakk tas-7 ta’ Ottubru, kif nistgħu nitkellmu fuq il-qtil tat-tfal Ukreni mir-Russja, kif nistgħu nikkundannaw dak li ġara lil Jean Paul Sofia, però fl-istess ħin nibqgħu ċassi, mummji, quddiem il-qtil insensat bil-bombi u tiġrif ta’ bini ta’ 17,400 tifel u tifla Palestinjani?

Hu qal li dawn huma double standards u dan il-Gvern imissu jistħi li sal-lum qed ikompli jkaxkar saqajh fuq ir-rikonoxximent tal-Palestinjani.

Gaża qed tmut ukoll bil-għatx, bil-ġuħ u bid-disperazzjoni wara li l-Iżrael waqqaf id-dħul tal-ilma, l-ikel u l-fuel. Gaża hija strixxa ta’ art id-daqs ta’ Malta. Qabel dak kollu li gara fl-aħħar sentejn, kienu jgħixu madwar żewġ miljun u nofs Palesintjan, ħafna minnhom refuġjati li kienu tkeċċew mill-artijiet tagħhom.

Ryan Callus qal li issa Iżrael għadda għall-fażi li jmiss. Qed jeqred il-ftit li fadal u minbarra l-qtil ta’ tfal, ċivili, qed joqtol ukoll tfal u familji bil-ġuħ, jidher li ser jokkupa b’mod permanenti l-istrixxa ta‘ Gaza. Jekk dan iseħħ, il-paroli li nirrepetu kontinwament tal-bżonn taż-żewg stati nistgħu ngħidu li mhux se jsir għal dejjem. Fil-mument li Gaża tiġi okkupata permanentament mill-Gvern Iżraeljan, il-ħolma tat-two state solution tmut.

Ryan Callus sostna li qatt daqs bħalissa ma hija meħtieġa s-solidarjetà internazzjonali mal-poplu Palestinjan. Il-vjolenza iggib iktar vjolenza u iktar ma tkun qawwija iktar estremisti jitwieldu. Għalhekk dak li qed jigri f’Gaża bħalissa, qiegħed iwelled mibegħda intergenerazzjonali – il-weġgħat kbar mhumiex se jintesew f’ġimgħa, imma se jnisslu mibegħda fit-tfal li l-ġenituri tagħhom inqatlu u f’genituri li t-tfal tagħhom inqatlu.

Ma nistgħux nibqgħu b’għajnejna magħluqa għall-ħruxijiet li qed jitwettqu fl-istrixxa ta’ Ġaża quddiem għajnejna kuljum, sostna Ryan Callus.

Sentejn ilu Robert Abela naqas bil-kbir lill-familjari ta‘ Jean Paul Sofia. Kellna Gvern li wera li hu bla qalb quddiem id-dulur tal-genituri ta’ Jean Paul Sofia. Issa għandna Gvern bla qalb quddiem tfal, ommijiet, missirijiet jinqatlu u jitbiċċru kuljum f’Gaża.

X’qed iżomm lill-Gvern Malti milli jirrikonoxxi immedjatament lill-Palestina bħala stat? X’inhi l-problema biex tagħmel dak li huwa sewwa illum stess? Fejn hi l-qalb? Fejn hu s-sens komun? Fejn huma l-valuri insara? Fejn hi d-dinjità? staqsa Ryan Callus.

Fl-istorja politika barranija tagħna, dejjem kellna qbil fuq il-kwistjoni tal-Palestina u Iżrael. Minn Mintoff, Guido de Marco, Tonio Borg sa Evarist Bartolo – ma nistax nifhem dan it-titubar mill-Gvern ta’ Robert Abela.

Il-qtil indiskriminat ta’ tant eluf ta’ Palestinjani innoċenti, inkluż eluf ta’ tfal, huwa inaċċettabbli. Huwa inaċċettabbli wkoll li poplu sħiħ jitħalla bil-guħ u bil-għatx u mingħajr l-għajnuna bażika biex jintlaħaq għan politiku. Dan imur kontra l-liġijiet internazzjonali u fuq kollox kontra r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Dasqtant ieħor huwa kundannabbli li l-Ħamas għandu jirrilaxxa l-ostaġġi Iżraeljani li għadhom sal-lum miżmuma minn familthom, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen li t-triq ’il quddiem għandha tkun il-paċi dejjiema bażata fuq l-eżistenza u r-rispett reċiproku bejn l-Istat Iżraeljan u Stat Palestinjan.

Il-PN iħeġġeġ lill-Gvern Malti biex jagħmel il-pass naturali li jmiss u jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina immedjatament. Illum l-UE ddikjarat li l-attakki u l-kinsa f’Gaża minn Iżrael imorru lil hinn minn dak li meħtieġ biex jiġġieldu lill-Ħamas.

Il-Medda ta’ Gaza għandha tkun l-isplengun li jniggeż il-kuxjenza tagħna; mhux biss inwaħħlu f’dan jew l-ieħor. Jalla l-bnedmin ta’ rieda tajba, Palestinjani u Iżraeliti jħossu l-bżonn li jbiddlu din is-sitwazzjoni mwiegħra. Aħna fl-Ewropa rridu ngħinuhom biex dan l-infern fuq l-art jispiċċa, sostna Ryan Callus.