Il-Bord tal-Diretturi tal-Grupp Farsons ħabbar sena oħra ta’ prestazzjoni finanzjarja u operattiva b’saħħitha għall-perjodu finanzjarju li ntemm fl-31 ta’ Jannar 2025. Il-Grupp irraporta tkabbir kemm fil-qasam tax-Xorb kif ukoll f’dak tal-Ikel permezz ta’ inizjattivi strateġiċi immirati u investiment kontinwu fl-effiċjenza operattiva u fl-innovazzjoni.
Id-dħul mill-qasam tax-Xorb laħaq il-€101.8 miljun, filwaqt li dak tal-Ikel iġġenera €39.3 miljun. Din iż-żieda fid-dħul kienet akkumpanjata minn waħda aktar qawwija fil-profittabbilità, bil-profitt tal-Grupp wara t-taxxa jiżdied b’21.9% għal €18.6 miljun. Dawn ir-riżultati jikkonfermaw s-saħħa u r-reżiljenza tal-mudell tan-negozju tal-Grupp u jirriflettu l-impenn kontinwu tiegħu biex joffri valur fit-tul lill-azzjonisti.
Wieħed mill-punti ewlenin din is-sena tal-Grupp Farsons kien it-tnedija ta’ diversi proġetti kapitali strateġiċi imfassla biex isostnu t-tkabbir fil-futur. Dawn jinkludu l-iżvilupp ta’ kumpless loġistiku avvanzat u ta’ uffiċċji f’Tal-Ħandaq biex iservu in-negozju tal-ikel, u l-faċilità awtomatizzata għall-ippakkjar riutilizzabbli fis-sit tal-Grupp fl-Imrieħel, li għandha żżid iċ-ċirkolarità u l-effiċjenza fl-operat.
F’Novembru 2024, il-Grupp ħabbar pass strateġiku fl-evoluzzjoni kontinwa tiegħu billi ippropona li jifred is-settur tal-Ikel f’entità legali separata (spin-off), Quinco Holdings plc, li se tkun elenkata fuq il-Borża ta’ Malta.
Il-Grupp kellu tkabbir konsistenti, sena wara l-oħra, fin-negozju tal-Ikel minkejja l-isfidi tas-suq u l-pressjonijiet ekonomiċi. Wara r-reviżjoni strateġika li ntemmet fl-2024, il-Bord iddetermina li in-negozju tal-Ikel issa qiegħed f’pożizzjoni tant tajba li jista’ jkompli jespandi bħala entità indipendenti iffokata fuq hekk biss.
Dan il-pass jirrifletti is-suċċess tal-ispin-off ta’ Trident Estates p.l.c. fl-2018 u mfassal biex jiftaħ opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir. B’hekk, in-negozju tal-Ikel ikollu tim maniġerjali ddedikat u bord tad-diretturi li jieħdu ħsieb l-istrateġija u l-implimentazzjoni.
Il-Grupp se jibqa’ ffukat fuq l-effiċjenza fl-operat, is-sostenibbiltà, u t-tisħiħ fit-tul tal-ekwità tal-marka kummerċjali tiegħu. It-tbassir tal-Grupp għas-sena finanzjarja 2026 huwa pożittiv, jinkludi aktar investimenti kontinwi fl-infrastruttura, settur turistiku dinamiku, u mmaniġġjar finanzjarju prudenti. Bl-istrateġija ċara u l-prinċipji b’saħħithom tagħha, Farsons qiegħda f’pożizzjoni li tkompli toffri l-valur lill-konsumaturi, lill-impjegati, u lill-partijiet kollha interessati.
//= $special ?>