Żagħżugħ Sqalli ġie lliberat minn attentat ta’ qtil tard il-Ħamis, piena li kienet iġorr magħha sa massimu ta’ 40 sena ħabs. Madankollu huwa nstab ħati li seba’ snin ilu weġġa’ gravi lil sieħbu f’appartament, u dan b’mod eċċessiv fuq bażi ta’ ‘self defence’. Minħabba li huwa ddeffenda lilu nniffsu b’aggressjoni li qabżet il-limiti ġie kundannat sentejn ħabs.
Daniele Vitale ta’ 29 sena, inizjalment kien qed jiffaċċja akkużi ta’ attentat ta’ qtil, iżda ġurija ddeċidiet li ma kienx ħati ta’ dik l-akkuża. Mid-disa’ ġurati li ppresedew il-ġuri, sitta ddeidew li Daniele Vitale kien ħati u tlieta qalu li ma kienx ħati li kkaġuna ħsara gravi fuq il-persuna b’mod eċċessiv għal difiża personali.
Vitale, minn Palermo, ġie akkużat li ta diversi daqqiet ta’ sikkina lill-eks sieħbu f’appartament. Il-vittma huwa Mirko Basile, f’inċident li seħħ fid-29 ta’ Settembru 2018. Il-media Taljana seba’ snin ilu kienet irrapportat illi kienu “mumenti ta’ rabja” illi wasslu biex l-allegat aggressur, Daniele Vitale, tilef rasu u ħebb għal Mirko Basile. Ir-ritratt juri lill-vittma li mirakolożament salva minn din l-aggressjoni. Kien Basile stess li miksi bid-demm mar jirrapporta fl-għassa ta’ San Ġiljan.
Basile ġarrab feriti f’idu u f’wiċċu, filwaqt li intlaqat ukoll b’daqqiet f’ġenbu u fil-pulmun. Iż-żagħżugħ kien ilu Malta minn Marzu, 2018. Fl-isptar dak iż-żmien hemm ukoll missieru, li wara l-inċident qabad l-ewwel titjira li sab biex jiġi ħdejn ibnu wara dan il-każ xokkanti.
Skont il-prosekuzzjoni, il-motiv għall-allegat attakk kien il-frustrazzjoni ta’ Vitale dwar ir-rifjut ta’ Basile li jgħinu jerġa’ lura mat-tfajla tiegħu. Matul il-ġuri, il-ġurati semgħet b’mod kronoloġiku l-avvenimenti tal-każ.
Fil-jum tal-inċident, Basile mar l-għassa tal-pulizija ta’ San Ġiljan għall-ħabta tal-5.45am jitlob l-għajnuna. Miksi bid-demm, il-vittma qal lill-uffiċjali tal-pulizija li kien spiċċa ferut b’daqqiet ta’ sikkina fl-appartament tagħhom f’San Ġiljan, qabel ma ttieħed l-isptar b’urġenza.
Fl-Isptar Mater Dei, Basile kien ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika. Fix-xena tal-appartament fejn seħħ id-delitt, il-pulizija raw tbajja’ tad-demm fiż-żona komuni tal-bini kif ukoll fl-appartament. Innutaw ukoll sett tat-TV u console tal-PlayStation mal-art, u bord tal-mogħdija mitfugħ f’nofs il-kuritur. Il-pulizija sabu wkoll żewġ skieken, waħda minnhom imtebbgħa bid-demm.
Il-pulizija tkellmu mal-ħabiba tal-akkużat, li waslet barra l-blokk tal-appartamenti wara li Basile kien ġie aggredit. It-tfajla qalet lill-pulizija li rat lil Basile ħiereġ mill-blokk tal-appartamenti u hu qalilha li kien għadu kif ġie safa ferut b’daqqiet ta’ sikkina.
Ftit ħin wara, Vitale ħareġ u deher sejjer fid-direzzjoni opposta, qabel ma rritorna fl-għassa tal-pulizija tal-Belt Valletta. Il-vittma qal lill-pulizija li kien għadu kif wasal Malta fil-lejl tal-inċident. Vitale allegatament daħal fil-kamra tas-sodda ta’ Basile biex ikellmu, b’dan tal-aħħar jgħidlu biex jieqaf idejjaqh u jħallih jorqod.
Basile rrapporta li sema’ l-qanpiena tal-bieb idoqq iżda għażel li jibqa’ fis-sodda. Kien f’dan il-punt li l-akkużat, Vitale, allegatament daħal fil-kamra tas-sodda ta’ Basile mingħajr permess u ta l-ewwel daqqa ta’ sikkina.
Basile qam mis-sodda u pprova jiddefendi lilu nnifsu b’bord tal-mogħdija waqt li Vitale kompla jattakkah b’sikkina. Basile rnexxielu jimbotta lil Vitale mal-art u jaħrab mix-xena. Basile kellu jiġi operat darbtejn minħabba l-ġrieħi li sofra fl-inċident.
Il-prosekuzzjoni kienet qed titlob massimu ta’ 40 sena ħabs jekk Vitale jinstab ħati mill-ġurija. Talli kkawża ħsara gravi, issa qed jiffaċċja massimu ta’ tliet snin ħabs. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera indirizzat lill-ġurati wara l-konklużjoni tal-każ għall-prosekuzzjoni u għad-difiża.
Hija spjegat in-natura u l-ingredjenti tar-reat fl-akkuża, kif ukoll punti differenti tal-liġi, inkluża d-difiża mmexxija mill-avukati u l-evalwazzjoni tal-evidenza, fost oħrajn. L-imħallef informat lill-partijiet li waqt li kienu qed jiskennjaw lil wieħed mill-ġurati sabu mowbajl.
Dan ġie kkonfiskat, u l-ġurat intalab biex jixhed. Huwa qal li ma kienx jaf bil-mowbajl. Espert tal-qorti ddetermina li l-mowbajl ikkonnettja mal-WiFi fit-23 ta’ April, meta beda l-ġuri, u nhar il-Ħamis filgħodu mal-WiFi tal-qorti.
Dan instab mingħajr SIM card. Il-ġurat ġie sostitwit minn ġurat supplenti u tħalla jitlaq mingħajr ebda kastig. L-avukati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kevin Valletta u Kaylie Bonett mexxew il-prosekuzzjoni.
L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-akkużat. Il-prokuratur legali Peter Paul Zammit assista lill-vittma.
//= $special ?>