Waqt żjara fl-Għar tal-Latnija fil-Mellieħa llum waranofsinhar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech appella biex issa li dan is-sit huwa protett kif suppost, isir l-investiment meħtieġ fid-Dipartiment tal-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta biex dan ikollu faċilitajiet u laboratorju adattat għal riċerka ta’ dan il-livell ħalli jkunu jistgħu jkomplu jiġu analizzati sejbiet ta’ dan il-kalibru, li jpoġġu lil Malta fuq il-mappa xjentifika dinjija.
Bernard Grech żar dan is-sit arkeoloġiku ta’ importanza storika kbira wara li ftit ġimgħat ilu kien stabbilit li fih instabet l-evidenza l-aktar bikrija ta’ preżenza umana f’Malta, li tmur lura 8,500 sena. Dan ifisser li qed tinkiteb mill-ġdid il-preistorja ta’ Malta għax issa nafu li l-preżenza tal-bniedem f’Malta tmur lura elf sena qabel dak li kien maħsub.
Is-sit issa huwa magħluq għall-pubbliku biex ikun jista’ jkompli jsir it-tiftix fih.
Akkumpanjat mix-Shadow Ministers Julie Zahra, Ryan Callus u Claudette Buttigieg; flimkien mas-Sindku tal-Mellieħa Gabriel Micallef u l-Kunsillieri tal-PN; Bernard Grech iltaqa’ mal-Professur tal-Università Eleanor Scerri, li flimkien mal-Professur Nicholas Vella mexxew l-iskavi li bdew fl-2019 u li rriżultaw f’din l-iskoperta straordinarja. Preżenti wkoll kien hemm il-Kap Eżekuttiv tar-Research Innovation and Development Trust (RIDT) tal-Università ta’ Malta Wilfred Kenely.

F’din il-lokalità magħrufa wkoll bħala Għar Tuta, ġew identifikati traċċi li juru li l-ewwel abitanti ta’ Malta kienu kaċċaturi-ġabbara, mhux bdiewa Neolitiċi kif kien maħsub sa issa, u li l-qsim minn Sqallija kien l-itwal u l-aktar bikri tax-xorta tiegħu.

Bernard Grech faħħar il-ħidma arkeoloġika ta’ dawk kollha involuti f’din is-sejba u qal li pajjiżna huwa kburi bir-riċerkaturi u x-xjenzati tiegħu kemm fis-settur tal-arkeoloġija kif ukoll f’dak tar-riċerka avvanzata. Hu qal li din hija skoperta arkeoloġika sinifikanti daqs dik ta’ Sir Temi Zammit li kien identifika t-tempji Megalitiċi ta’ Malta.

Żied jgħid ukoll li dawn huma skoperti importanti li juruna kif it-tibdil fil-klima effettwa l-pajjiż matul iż-żminijiet. Xi ħaġa li tiftħilna għajnejna dwar l-effetti li jista’ jkollu t-tibdil fil-klima li qed nisperjenzaw illum fis-snin li ġejjin.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jagħti l-importanza mistħoqqa lir-riċerka u lill-wirt storiku ta’ pajjiżna, bħala pilastri tal-identità tagħna bħala nazzjon.
//= $special ?>