Waqt il-51 Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Bank of Valletta, l-azzjonisti approvaw ħlas ta’ dividend rekord, programm ta’ xiri lura ta’ ishma, u ħruġ ta’ ishma bonus.
Iċ-Chairperson tal-Bank, Gordon Cordina; u l-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia, waqt li indirizzaw lill-azzjonisti ppreżenti, taw ħarsa dettaljata dwar il-prestazzjoni pożittiva li kellu l-Bank matul is-sena 2024. Tkellmu wkoll dwar il-pjanijiet li għandu l-Grupp BOV għas-sena. Matul il-laqgħa, l-azzjonisti approvaw:
- ħlas rekord ta’ dividend gross ta’ €0.2238 għal kull sehem għas-Sena Finanzjarja 2024, li b’kollox jammonta għal €130.7 miljun. Dan jirriżulta fl-ogħla dividend f’dawn l-aħħar 10 snin;
- programm ta’ xiri lura ta’ ishma li jista’ jinvolvi x-xiri sa 2,800,000 sehem (qabel il-ħruġ ta’ ishma bonus) mingħand l-azzjonisti bil-għan li tissaħħaħ il-likwidità fin-negozjar tal-ishma. Iktar informazzjoni dwar dan il-programm, li huwa soġġett għall-approvazzjoni regolatorja, mistennija tinħareġ fix-xhur li ġejjin; u
- ħruġ ta’ ishma bonus fejn l-azzjonisti mniżżla fuq ir-reġistru sad-data tas-26 ta’ Ġunju 2025 se jirċievu sehem addizzjonali għal kull għaxar ishma miżmuma. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ il-valur tal-azzjonisti.
Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ din is-sena, inħatru wkoll żewġ diretturi mhux eżekuttivi ġodda fuq il-Bord.
Fl-indirizz tiegħu lill-azzjonisti, iċ-Chairperson Gordon Cordina kkummenta fuq il-pożizzjoni b’saħħitha u sostenibbli tal-BOV fis-suq bħala istituzzjoni finanzjarja ewlenija. Huwa spjega li sa mis-sena 2020, il-Bank iġġenera iktar minn €520 miljun f’valur għall-azzjonisti, b’mod partikolari bil-ħlas ta’ dividendi. “Illum qed inressqu numru ta’ inizjattivi li għandhom ikomplu jżidu l-valur għall-azzjonisti tagħna, li poġġew il-fiduċja tagħhom fil-Bank u ġustament jistennew ritorn adegwat fuq l-investiment tagħhom.
Iċ-Chairperson irringrazzja lill-membri tal-Bord li temmew it-terminu tagħhom u rringrazzjahom tal-kontribut siewi tagħhom fuq il-Bord fl-aħħar snin.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia, waqt l-indirizz tiegħu, semma l-punti ewlenin tal-prestazzjoni finanzjarja b’saħħitha reġistrata fis-sena 2024. Huwa tkellem ukoll dwar il-pjanijiet strateġiċi u kummerċjali li twettqu matul is-sena li għaddiet u oħrajn li jinsabu fil-proċess li jitwettqu.

Kompożizzjoni tal-Bord il-ġdid
Il-Bord kif maħtur wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali huwa magħmul minn Gordon Cordina, Chairperson U Direttur Mhux Eżekuttiv; Diretturi mhux Eżekuttuvi lil Nicola Angeli, Ingrid Azzopardi; Christian Bonnici West, Diane Bugeja, Anita Mangion, Hadran Sammut, Deborah Schembri Jonathan Spiteri, Robert Suban, Sue Vella, u lil Kenneth Farrugia u Anatoli Grech bħala Diretturi Eżekuttivi.
//= $special ?>