Lokali

L-Oppożizzjoni ma għandha fiduċja fl-ebda ftehim li kien ġie nnegozjat minn Konrad Mizzi

Għalfejn il-Gvern ma ħabbarx il-bejgħ tal-ishma tiegħu fil-Malta Air meta s-soltu jiftaħar b’kull ħaġa li jagħmel?

L-Oppożizzjoni tirreferi għal rapporti fil-media li jgħidu li l-Gvern biegħ l-ishma tiegħu fil-Malta Air, u b’hekk għadda l-kontroll sħiħ tal-kumpanija f’idejn Ryanair.

Malta Air twaqqfet fl-2019 wara negozjati mmexxija mill-eks Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi, fi żmien il-Gvern ta’ Joseph Muscat. Illum kemm Konrad Mizzi kif ukoll Joseph Muscat qed jiffaċċjaw akkużi relatati ma’ ftehimiet li allegatament iffrodaw lill-poplu Malti mijiet ta’ miljuni ta’ ewro. L-Oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili ilhom jitolbu investigazzjoni sħiħa ta’ kull ftehim li fuqu hemm il-marki ta’ Konrad Mizzi, Joseph Muscat u Keith Schembri. Filwaqt li nifhmu l-aspetti kummerċjali sensittivi ta’ ċertu ftehimiet, l-Oppożizzjoni ma għandhiex u qatt ma jista’ jkollha fiduċja fl-ebda ftehim li ġie negozjat minn Konrad Mizzi. Għalhekk se nkomplu nisħqu biex kull kuntratt negozjat fi żmienu u bl-involviment tiegħu jkun investigat b’mod sħiħ.

L-Oppożizzjoni tfakkar ukoll li meta tħabbar il-ftehim ta’ Malta Air, il-Gvern ma pprovda l-ebda dettalji finanzjarji. Ġie mwiegħed biss li l-Gvern kien se jżomm dak li jissejjaħ golden share fil-kumpanija biex ikollu d-dritt tal-veto fuq id-deċiżjonijiet dwar il-bejgħ tal-linja jew it-trasferiment tal-isem tagħha. Issa jidher li l-Gvern biegħ din il-golden share. X’tip ta’ garanziji nnegozja l-Gvern dwar l-użu tal-isem Malta u l-użu tas-salib bi tmien ponot, li qabel kienu protetti b’din il-golden share? Xi nbidel f’dawn l-aħħar ħames snin li wassal biex il-Gvern jabbanduna d-deċiżjoni li jżomm din il-golden share?

Konrad Mizzi kien saħansitra qal li dan il-ftehim kien se jkun sħubija innovattiva li tifforma parti mill-viżjoni biex Malta ssir ċentru għall-avjazzjoni. Din il-viżjoni seħħet? U Ryanair wettqet l-obbligi tagħha kollha, inkluż li żżid bi 300 il-membri tal-ekwipaġġ ibbażati f’Malta?

Dan il-Gvern mhux magħruf wisq li jipprova jevita l-pubbliċità tant li jonfoq miljuni ta’ ewro fis-sena biex jiftaħar b’kull ħaġa li jagħmel, anke jekk tkun żgħira. Għalhekk, l-Oppożizzjoni tistaqsi għalfejn il-Gvern ma ħabbarx dan l-iżvilupp.

Dan intqal fi stqarrija minn Mario de Marco ix-Shadow Minister għat-Turiżmu, Jerome Caruana Cilia ix-
Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża u Mark Anthony Sammut ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà.