Futbol Sport

Massimiliano Allegri jirritorna bħala kowċ ta’ Milan

(Ritratt: EPA)

L-eks kowċ ta’ Juventus Massimiliano Allegri rritorna għat-tieni darba bħala kowċ ta’ AC Milan, dan wara li diġa serva f’dan l-irwol bejn l-2010 u 2014, fejn fl-ewwel sena tiegħu mar-Rossoneri huwa rebaħ is-Serie A, u s-sena ta’ wara rebaħ is-Supercoppa.

Allegri jingħaqad mar-Rossoneri wara staġun barra mix-xena tal-coaching, hekk kif fl-2024 huwa nħall minn mal-kuntratt ta’ Juventus wara l-finali tal-Coppa Italia kontra Atalanta, bil-Bianconeri dakinhar jirbħu bl-iskor ta’ 1-0.

Allegri serva bħala kowċ ta’ Juventus minn 2014 sa 2019, u minn 2021 sa 2024, bl-ewwel perjodu tiegħu mal-Bianconeri jkun l-iktar ta’ suċċess hekk kif hemm rebaħ 5 Serie A, 4 Coppa Italia, 2 Supercoppa u wasal fil-finali tal-UEFA Champions League fl-2015 u fl-2017.

Allegri huwa magħruf għat-tattika difensiva tiegħu, bil-midja Taljan anke tagħti laqam għat-tatika li juża, bil-laqam ikun ‘Corto Muso’ li tirrelata mat-tiġrijiet taż-żwiemel, u kif fit-tiġrija l-iżjed importanti huwa li tirbaħ, u mhux b’kemm , hekk kif Allegri magħruf li jirbaħ ħafna mill-partiti tiegħu bl-iskor ta’ 1-0, bħal ma fil-verita’ għamel fl-aħħar finali tal-Coppa Italia li rebaħ.

Max Allegri bl-aħħar trofew li rebaħ ma’ Juventus fl-2024