Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ qtil involontarju minħabba żball fil-ħin

Żball fil-ħin eżonera sid ta’ dik li kienet lukanda minn akkuża ta’ qtil involontarju wara li rriżulta li l-ħin li fih kien akkużat bir-reat ma kienx il-ħin meta fil-fatt miet il-vittma. Il-każ imur lura-17 ta’ Mejju 2017 meta l-Pulizija sabu l-katavru ta’ Dennis Reid Monaghan viċin il-lukanda Palm Court li m’għadhiex topera.

Minn dak iż-żmien, il-lukanda twaqqgħet u flokha nbniet blokka appartamenti. Ħdejn il-vittma nstab bastun abjad li kien jindika li kellu problemi fil-viżta. Dwar dan il-każ tressaq fil-Qorti Albert Borg, anzjan ta’ 78 sena min-Naxxar, li kien is-sid tal-lukanda fejn ġie mixli li kkaġuna l-mewt tal-Iskoċċiż involontarjament.

Fit-23 ta’ Ottubru 2023 Borg instab ħati u kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit sabitu ħati. Borg appella mis-sentenza bl-Imħallef Natasha Galea Sciberras irrimarkat fis-sentenza tagħha li fl-akkuża jingħad li l-vittma miet għall-ħabta tad-9am meta r-rapport li kien hemm ir-raġel mejjet daħal lill-Pulizija fis-6.30am.

Il-Qorti qalet li t-Tabib Mario Scerri, li eżamina l-katavru, xehed li l-vittma kien ilu mejjet madwar 12-il siegħa u għalhekk dan ifisser li l-vittma ma mietx fis-17 ta’ Mejju imma fis-16 ta’ Mejju 2017. Kien għal din ir-raġuni li l-Imħallef Galea Sciberras iddikjarat lil Borg mhux ħati tal-akkuża u illiberatu mill-akkuża miġjuba kontrih.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri.