Opinjoni

OPINJONI: Anki jekk…

F’dinja fejn fl-ideat politiċi daħal ħafna taħwid jidher li dan hu l-mument fejn wieħed jifhem dak li hu għaddej u jidentifika ruħu fis-sewwa

mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali

u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

  1. Mhux aktar taħwid b’politika bla viżjoni u fir-realtà sempliċement reazzjonarja. F’dinja fejn dawk ta’ barra jitkellmu mhux għax għandhom ideat veri iżda biex ikomplu jirrepetu dak li jkunu qed jgħidu oħrajn. Fejn, bħal dejjem, il-verità hija l-vera vittma.
    Dan irid jingħad u wieħed iħares lejn il-kuntest ta’ jekk dak li huwa għal qalbna aħniex lesti li niddefenduh u naffermawh jew inkella nċeduhx f’rassenjazzjoni żbaljata.
    Ħafna ma japprezzawx li hawn il-punt fundamentali huwa d-difiża jew le tas-sistema demokratika Ewropea. Dik li aħna parti minnha. Difiża taċ-ċiviltà li aħna parti mill-Oċċident. Dik li hija bbażata fuq il-protezzjoni tal-bniedem.

Id-demokrazija tagħna

  1. Nistaqsi aktar lili nnifsi kif nistgħu nsibu dawk li b’xi mod jaħsbu li huwa sewwa dak li qed jiġri barra minn xtutna. Aħna ħadna l-mudell demokratiku li diversi ħadu fl-Ewropa u fl-Istati Uniti tal-Amerika u fih għandna l-vantaġġ li naġixxu.
    Biss, aħna żidna fid-doża tal-importanza ta’ dan kollu proprju għax inqisu d-demokrazija bħala valur. Aħna parti minn wirt uniku li biddel il-perkors tal-istorja. Aħna parti mill-familja Demokratika Kristjana li assigurat dak li qed ingawdu minnu fl-UE.
    Kien hemm il-fundaturi oriġinali li qegħdu l-għeruq, li warajhom ġew ġenerazzjonijiet ta’ politiċi oħra li komplew jissudaw is-siġra. Illum il-ġurnata ma nifhmux biżżejjed dan l-impatt għax qisu huma biss il-pajjiżi armati militarment li għandhom ir-rilevanza fix-xenarju belliku li ninsabu fih. Inkella dawk li jiċħdu l-prinċipji etiċi nsara li għadhom rilevanti u li jsawruhom.
    Dmirna
  2. Huwa dmirna li nagħrfu dak li writna u naħdmu mhux biex inżarmawh imma biex inkattruh. Irridu niddefendu, imma fl-istess ħin inħarsu lejn il-futur. Fl-iżbalji politiċi li jsiru llum irridu nibqgħu bit-tama li l-folja ser tinbidel.
    Dan aktar fil-kuntest ta’ Ewropa li f’dan il-mument qed tikkumbatti minn ġewwa u minn barra għall-valuri tagħha. Ma’ kull elezzjoni, f’kull pajjiż stat membru tal-Unjoni Ewropea qed naraw iktar qasmiet. L-ewwel bejn dawk li jridu jkomplu jkunu fl-Unjoni u dawk li jaħsbu li hemm xi alternattiva.
    It-tieni bejn dawk li huma favur aktar demokrazija u dawk li qed jaħsbu li jistgħu jerġgħu jmorru lura lejn l-imrar li għaddejna minnu mitt sena ilu. Dak li d-dittaturi ħaduna fih. Proprju f’dan għandna nagħrfu li hemm linja ta’ prinċipju li m’għandhiex tinqabeż.

Kollaborazzjoni

  1. Għax l-UE hi bbażata fuq il-ftehim u l-ħidma t-tajba f’kull livell. L-avvanzi li missejna u għadna mmissu huma frott ta’ dawn id-deċiżjonijiet politiċi li huma bbażati fuq l-intelliġenza. F’dan huwa iktar ċar li l-konfrontazzjoni ma twassalx fejn wieħed jaħseb.
    Hi iktar il-kollaborazzjoni li trid isseħħ u li tikber fost l-istati. Anki f’dal-mument li fih il-Federazzjoni Russa tilfet ħafna minn dan il-melħ politiku lura lejn Sovjetiżmu passat, dmirna huwa li naħdmu sabiex jirbaħ is-sens komun.
    Il-kontinent Ewropew huwa sħiħ aktar u aktar fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, fejn l-istati jsibu ruħhom f’daqqa. Il-futur mhux li nibqgħu dominanti b’kunċetti ta’ stati li jaħsbu li waħedhom jistgħu jimxu ’l quddiem, imma bil-kontra. Jekk ma nibnux illum ser ikollna xenarju differenti. Ser nibqgħu fi stat ibaqbaq ta’ gwerra bierda.

Il-Bniedem

  1. Dan iktar fl-għarfien li ġejjin minn kultura li tagħraf li kull persuna hija importanti. Kull persuna hija rilevanti u determinanti. Ħadd, għall-ebda raġuni, m’għandu jitwarrab jew b’xi mod jiġi eliminat.
    Meta wieħed jaċċetta li hu permess li toqtol it-trabi fil-ġuf jew lil dawk li waslu f’mument iebes ta’ saħħa, ikun qed jitlef. Ikun qed iħalli warajh dak li aħna u li nirrappreżentaw. Mhix kwistjoni ta’ libertà, imma taċ-ċaħda tagħha. Id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, dak il-wirt nisrani tagħna, jistgħu jitħaddmu għax hemm il-bnedmin.
    Mingħajru għalxejn inħambqu fuqhom. Proprju f’dan huwa importanti li wieħed jifhem fejn aħna u għal liema raġuni naħdmu. Nifhmu li trid tikkumbatti għall-prinċipji li jiffurmawk u li jidentifikawk.
    Dan anki jekk oħrajn jaħsbu li jistgħu jibqgħu lura minn dan biex kollox jgħaddi minn fuqhom bħallikieku xejn. Inkunu qed nirtu stat nieqes mit-tajjeb li jħaddan illum.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 25 ta’ Mejju, 2025.