Lokali

OPINJONI: Il-Kostituzzjoni bħala l-qafas tad-demokrazija

Biex il-Kostituzzjoni tinbidel jeħtieġ l-appoġġ taż-żewġ terzi tal-kamra
Il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, għalkemm ġiet emendata numru ta’ drabi fosthom b’żieda qawwija fejn jidħlu d-drittijiet umani, għadha mibnija fuq is-sisien tal-Kostituzzjoni li pajjiżna adotta fl-1964 meta kiseb l-indipendenza

minn Angelo Micallef

Il-qafas ta’ kull pajjiż f’termini legali tkun bla dubju ta’ xejn il-Kostituzzjoni tal-pajjiż. Dan huwa dokument li normalment iwaqqaf l-istrutturi l-aktar bażiċi u fundamentali tal-pajjiż, fosthom il-mod kif jaħdem il-Gvern tal-pajjiż.

Il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, għalkemm ġiet emendata numru ta’ drabi fosthom b’żieda qawwija fejn jidħlu d-drittijiet umani, għadha mibnija fuq is-sisien tal-Kostituzzjoni li pajjiżna adotta fl-1964 meta kiseb l-indipendenza mill-Imperu Ingliż taħt it-tmexxija ta’ Ġorġ Borg Olivier.

Il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna hija intrinsikament marbuta mal-figura tal-Prim Imħallef Emeritu l-mibki Professur John Joseph Cremona. Hija Kostituzzjoni mudellata fuq il-mudell ta’ Westminster, jiġifieri fuq il-Kostituzzjoni Ingliża; għalkemm ironikament din il-Kostituzzjoni hekk influwenti hija waħda mill-ftit fid-dinja li mhix miktuba.

Huwa bir-raġun li biex il-Kostituzzjoni tinbidel jeħtieġ l-appoġġ taż-żewġ terzi tal-kamra, effettivament għalhekk l-appoġġ kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni. In-natura tal-elementi fil-Kostituzzjoni huma hekk sensittivi, li l-ebda partit politiku wieħed m’għandu jkollu s-setgħa li waħdu jagħmel dawk il-bidliet. Dan jigarantixxi li l-qafas legali ta’ pajjiżna jibqa’ wieħed li jgawdi fiduċja wiesgħa u jkun ġust u ekwu.

Għalhekk meta l-Gvern riċenti ħareġ b’numru ta’ emendi li jrid jagħmel lill-Kostituzzjoni kien kostrett, li kontra kif inhi l-prassi tiegħu li jgħaddi romblu min fuq l-Oppożizzjoni, kellu bilfors ifittex hemmx qbil mill-Oppożizzjoni għall-proposti tiegħu.

Kienet ferm f’waqta r-risposta tal-Oppożizzjoni li wieġbet li wasal iż-żmien li nħarsu lejn tibdil kostituzzjonali ferm aktar wiesgħa minflok noqogħdu nraqqu l-pannu bil-qargħa ħamra kif ngħidu bil-Malti. L-Oppożizzjoni wieġbet b’mod kostruttiv u pożittiv u tkellmet dwar numru ta’ riformi kostituzzjonali li jeħtieġ li pajjiżna jiddiskuti. Riformi li jsaħħu d-demokrazija f’pajjiżna u li jassiguraw li f’pajjiżna ħadd ma’ jkollu poter mingħajr kontroll u li l-vuċi tal-poplu tinstema’ u tinstema’ bl-aktar mod ċar.

L-Oppożizzjoni saħansitra ssuġġeriet li jerġa’ jinbeda mill-ġdid il-proċess li kien propona l-Gvern Laburista stess, u ċioè l-Konvenzjoni Kostituzzjonali taħt il-patronċinju tal-President. Malta, tibda tinduna min hu biss interessat f’sempliċi ‘patchwork’’ ‘l hawn u ’l hemm, u min f’pajjiżna jemmen li pajjiżna jixraqlu tassew ikun fuq quddiem nett tad-dinja demokratika b’garanzija tad-dritt tal-libertà ta’ kull wieħed u waħda minnha.

Wieħed jista’ biss jittama li l-Gvern jilqa’ l-istedina tal-Oppożiżzjoni u nibdew diskussjoni matura, mhux partiġjana u ‘forward looking’fejn tidħol il-Kostituzzjoni. Il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna qdietna u għadha taqdina tajjeb però naturalment bħal kull dokument legali ieħor teħtieġ l-aġġornamenti biex tirrifletti l-bidliet fis-soċjetà u fir-realtajiet tad-dinja.

Diskussjoni matura dwar il-Kostituzzjoni toffri wkoll opportunità biex fejn naraw li forsi fil-qafas legali ta’ pajjiżna bi żmien żviluppaw ‘grey areas’ dawn jiġu indirizzati biex jiġu evitati problemi akbar fil-futur.

L-Oppożizzjoni f’dan kollu mxiet b’maturità kbira u bl-aħjar interess nazzjonali fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tagħha. Il-Gvern se jirreċiproka bl-istess mod jew se mmorru lura għas-sistema li issa drajna ta’ Gvern li mhux lest li jisma’ u jitkellem ma’ ħadd, sakemm mhux biex tgħid ‘signor si!’.

Donazzjoni għad-demokrazija

Nhar il-Ħadd li ġej, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza maratona ġbir ta’ fondi. Fid-dinja moderna fejn ir-reklamar, il-‘branding’, il-midja nkluż dik soċjali u l-mezzi biex twassal messaġġ, saru kollha affarijiet li jiswew flus kbar, il-Partit Nazzjonalista għandu sfida mhux żgħira.

Fuq naħa għandek il-Partit Laburista li lest juża l-pożizzjoni tiegħu fil-poter biex f’termini effettivi bi flusna jwassal il-messaġġi politiċi tiegħu, u fuq l-oħra l-Partit Nazzjonalista li jrid jaqdef kontra dan il-kurrent waħdu.

Għalhekk huwa important li nhar il-Ħadd li ġej inkunu ġenerużi mal-Partit Nazzjonalista. Hija wkoll opportunità perfetta biex niltaqgħu flimkien propju fid-Dar Ċentrali tal-PN fejn bħal dejjem persważ li se jkun hemm atmosfera mill-isbaħ.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 29 ta’ Mejju, 2025.