Lokali

OPINJONI: L-emendi għall-Kostituzzjoni

Il-Gvern jaf li għandu bżonn il-vot tal-Oppożizzjoni biex jgħaddu dawn l-emendi
Minkejja n-nuqqasijiet tagħna f’kif nifhmu lilna nfusna u postna fid-dinja, xorta jeħtieġ li l-Kostituzzjoni tagħna jkollha viżjoni ċara. Viżjoni filosofika li mbagħad titwettaq fil-politika

minn Mark A. Sammut Sassi

L-emendi li qed jipproponi lill-Gvern għall-Kostituzzjoni fihom tlitt aspetti.

L-Ewwel Aspett: Parlamentari

Dan hu l-aspett ta’ kif jitmexxew l-affarijiet bejn il-partiti fil-Parlament. Biex isiru emendi kostituzzjonali, jeħtieġ qbil bejn mill-anqas żewġ terzi tal-membri tal-Parlament. Biex dal-qbil jintlaħaq, iridu jsiru mhux biss dibattiti fil-Kamra imma wkoll taħditiet informali.

F’dal-każ, il-Gvern qed jgħid li hemm qbil bejn iż-żewġ naħiet tal-Kamra; l-Oppożizzjoni qed tgħid li dan mhux il-każ.

Dan hu tgħaffiġ kbir min-naħa tal-Gvern, li jaf li għandu bżonn il-vot tal-Oppożizzjoni biex jgħaddu dal-emendi. Barra minn hekk, iżda, abbli hemm raġuni oħra għaliex il-Gvern għażel li jilgħab dil-logħba: jaljiena lill-poplu mill-ġuri li għaddej bħalissa marbut mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Naħseb hu minn ewl id-dinja li Robert Abela inkwetat għall-aħħar, għax il-gażiba ta’ dak il-qtil hi gażiba kbira. Allura jaf qiegħed jilgħab dil-logħba parlamentari biex lin-nies ineħħilhom l-attenzjoni minn fuq il-ġuri. Naturalment din hi logħba pwerili, għax il-Ministru jaf li m’għandux il-qbil sħiħ tal-Oppożizzjoni. Imma pwerili jew le, isservi l-iskop tal-mument, jiġifieri li kemm jista’ jkun jitnaqqas l-impatt negattiv fuq l-opinjoni pubblika ta’ dak li jingħad fil-ġuri u joħroġ minnu.

Hu l-istil ta’ dal-Gvern li l-benefiċċju ta’ issa dejjem jiġi qabel il-benefiċċji fit-tul.

It-Tieni Aspett: Legali

Il-pern ta’ ħafna mid-diskussjoni dwar kwalunkwe Kostituzzjoni hu: x’inhu l-pjan fit-tul għall-Pajjiż? Għaliex dan hu l-pern? Għax il-Kostituzzjoni hi d-dokument li fuq dak li jingħad fih jiġi ggvernat il-pajjiż.

Hemm partijiet mill-Kostituzzjoni li fihom regoli dwar il-ħatra tal-President, dwar il-Prim Ministru, il-Kabinett, il-Parlament, l-Oppożizzjoni, ċerti awtoritajiet fil-pajjiż, eċċ. Dawn huma r-regoli li flimkien isenslu l-Liġi Politika (jew kollha jew ħafna minnha) tal-Pajjiż.

Hemm ukoll parti fejn il-Qrati jingħataw rwol politiku ċar: il-jeddijiet tal-bniedem – dawn huma regoli legali li jrażżnu lil żewġ organi tal-Istat (il-Parlament u l-Kabinett tal-Ministri) u jafdaw b’dat-trażżin it-tielet organu (il-Qrati).

Imma l-Kostituzzjoni fiha partijiet oħrajn li ma humiex fis-sens dejjaq tal-kelma “legali”, imma jinsabu x’imkien bejn il-Liġi, il-Politika, u l-Filosofija.

Jiġifieri filwaqt li għandek partijiet li fihom ir-regoli legali għall-Politika, imbagħad hemm partijiet li jiswew ta’ tmexxija politika-filosofika, li ma humiex regoli ta’ liġi li tista’ twettaqhom u teżegwihom f’Qorti, imma li jlewnu l-viżjoni politika u filosofika tal-pajjiż.

It-Tielet Aspett: Politiku-Filosofiku

Dal-aspett hu fejn irridu li jkun il-Pajjiż fid-dinja. Għalina l-Maltin dil-parti tal-Kostituzzjoni hi l-aktar parti diffiċli biex nifhmuha. Għax – u issa ejja l-abjad ngħidulu abjad u l-iswed iswed – fil-qalb ta’ qalbna ma nafux sewwasew irridux inkunu stat indipendenti jew inkella reġjun awtonomu fi struttura politika akbar u usa’.

Niftakar xi 20 sena ilu, raġel dak iż-żmien anzjan kien qalli, bi kburija tiddi fuq wiċċu, kemm kien orgoljuż li issa, hekk kif Malta daħlet fl-UE, il-Maltin se jkunu bil-qiegħda mal-mejda daqs l-Ewropej l-oħrajn kollha. Mill-banda l-oħra, xi xhur ilu xi ħadd li nirrispetta ħafna, ftit iżgħar minni fl-età, qasam miegħi t-tħassib tiegħu jekk kellniex neħduha l-indipendenza wara kollox, meta tqis il-livell għoli ħafna ta’ korruzzjoni fil-pajjiż.

Meta toqgħod tqis, dal-pożizzjonijiet donnhom jidwu d-dibattiti li seħħew fis-snin 50 u 60 tas-seklu l-ieħor, qabel ma ħadna l-Indipendenza.

Il-Gvern jaf li għandu bżonn il-vot tal-Oppożizzjoni biex jgħaddu dawn l-emendi

Ngħidu aħna, l-Amerikani għandhom kostituzzjoni li hemm min jinterpretaha bħala mezz kif il-kapitalist ikattar il-ġid u l-għana tal-pajjiż. Hemm min jifhem, allura, li fil-Kostituzzjoni Amerikana taħt id-diskors legali hemm misturin skopijiet ekonomiċi ċari. M’għandniex xi ngħidu, din hi ħaġa tajba (tal-anqas għall-Amerikani).

Il-Kostituzzjoni tagħna hi miktuba fid-dell maħluq mix-xemx nieżla fuq l-Imperu li fuqu qatt ma kellha tinżel. Allura hi kostituzzjoni sa ċertu punt nieqsa mill-ispinta, kważi timida, donnha ma tridx li Malta tkun Maltija, imma b’xi mod tibqa’ dejjem ma’ djul ommha kolonjali, il-Gran Brittanja.

Fil-fehma tiegħi, hu ċar li wasal iż-żmien li ninqatgħu minn djul “ommna” kolonjali, u naċċettaw li ommna vera hi biss dik li tatna isimha. Din il-qabża filosofika – li għandha implikazzjonijiet politiċi kbar – tista’ ssir biss b’riforma mill-qiegħ tal-Kostituzzjoni.

U hu proprju dan li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista, u hu dan li l-Oppożizzjoni qed tgħid lill-Gvern. Imma Robert Abela għandu viżjoni batuta u – agħar minn hekk – għandu ħafna inkwiet ġej mill-ġuri marbut mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u inkwiet ieħor ġej mill-Ministru Owen Bozza tal-Elf Bonnici li ta kuntratt lil Mark Camilleri, u bosta kwistjonijiet oħrajn ta’ dan it-tip li jixorbu l-ħin prezzjuż.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 29 ta’ Mejju, 2025.