Lokali

Robert Abela skomdu jwieġeb dwar Neville Gafà

Owen Bonnici qed joħloq rebus sħiħ fost dawk ikkunsidrati estremisti fil-Partit Laburista. Karl Stagno Navarra ried itajru min-nofs. L-istess pressjoni anke minn Neville Gafà. Filwaqt li minn taħt, kompla jrewwaħ anke Jason Micallef.

Din il-klikka estremista tal-Labour jidher li m’għandhiex limitu sa fejn kapaċi tasal. Tant li qed iddur anke għall-Ministri tal-Gvern. B’Owen Bonnici jkun l-ewwel mira tagħhom, hekk kif dawru l-kanuni fuqu – bl-iskuża li ta kuntratt lill-awtur Mark Camilleri.

Quddiem dan kollu, il-Prim Ministru Robert Abela qed jidher dejjem aktar skomdu. Tant li mhu jwieġeb xejn meta mistoqsi dwar Neville Gafà, u l-attakk li fetaħ fuq Owen Bonnici.

Wara li l-Erbgħa filgħaxija ħareġ mill-Parlament, Abela ma weġibx jekk kellimx lil Neville Gafà. U kif se jsib tarf ta’ din il-qasma evidenti fil-Partit Laburista.

Apparti Owen Bonnici, anke Roderick Galdes spiċċa attakkat minn din il-klikka estremista tal-Labour, li jridu jimbuttaw biss lil dawk in-nies li f’għajnejhom huma tassew leali.