“Se naħdmu sal-aħħar jum. Irridu nkunu ċari. Irridu nkunu wkoll onesti. Iżda rridu ngħinu lill-industriji tagħna, nipproteġu lill-konsumaturi tagħna, u nilħqu ftehim”.
Hekk iddikjarat il-President tal-Parlament Ewropew u MEP Nazzjonlista Roberta Metsola meta wieġbet il-mistoqsijiet ta’ Bruno Vespa fuq il-programm ewlieni ta’ Rai Uno, Cinque Minuti.
Fl-intervista, hi enfasizzat fuq l-importanza li ma jkunx hemm kunflitt kummerċjali mal-Istati Uniti u saħqet fuq is-saħħa tal-alleanza transatlantika.
Meta mistoqsija jekk tistax tinstab soluzzjoni li taħdem għaż-żewġ naħat sad-9 ta’ Lulju – li hi d-data imposta mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump – Roberta Metsola tenniet li mimlija tama sabiex iseħħ dan.
L-intervista li saret lil Roberta Metsola saret fi żmien kritiku fid-diskussjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, biż-żewġ partijiet ifittxu li jirrikonċiljaw il-prijoritajiet ekonomiċi filwaqt li jsaħħu l-valuri demokratiċi tagħhom u t-tmexxija globali.
Fl-Italja, Metsola irrispondiet ukoll mistoqsijiet li għamlula għadd ta’ studenti f’diskussjoni fl-Università Cattolica del Sacro Cuore f’Milan, akkumpanjata mid-Deputat Prim Ministru Taljan Antonio Tajani u l-Kummissarju Ewropew Raffaele Fitto.
Hemmhekk hi wasslet messaġġ ċar: “Jeħtieġ niffukaw fuq ir-riżultati: impjiegi, sigurtà, paċi u opportunità.”
Il-President Metsola ltaqgħet ukoll ma’ studenti f’Turin, akkumpanjata mill-eks plejer tal-futbol tat-tim nazzjonali Taljan Leonardo Bonucci.
//= $special ?>