Mara ta’ 62 sena ammettiet li rrikattat qassis għal u ġiet illiberata bil-kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn. Il-mara minn Ħal Luqa dehret il-Qorti l-Ħamis filgħodu quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.
L-Ispettur Gabriel Kitcher qal lill-Qorti li l-mara marret tiltaqa’ mal-membru tal-kleru fil-21 ta’ Mejju li għadda.
Hija qaltlu li kellha informazzjoni dwaru u hedditu li se tiżvela fuqu dak li allegatament kienet taf dwaru. Il-qassis ċaħad l-allegazzjonijiet u li dak li kienet qed tgħid kien bla sens. Minn naħa tagħha qaltlu li xxerred stqarrijiet foloz u xnigħat jekk ma jħallasx is-somma €5,000.
Ir-raġel irrapportaha lill-Pulizija. Sadanittant nhar l-Erbgħa, il-mara marret tistaqsi għalih u xi ħadd ħadilha ritratt. Il-Pulizija ġiet infurmata li l-mara kienet fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid u ġiet arrestata immedjatament.
Waqt l-arrest, il-mara ddikjarat li l-istqarrijiet malafamanti tagħha kienu kollha gideb u infondati.
Hija skużat ruħha għal kwalunkwe ħsara li kkawżata. Il-Qorti kkunsidrat li l-qassis ħafrilha meta tat is-sentenza u illiberata bil-kundizzjoni ta’ sentejn. Ġiet imposta wkoll ordni restrittiva ta’ sentejn favur il-vittma.
Il-Maġistrat Leonard Caruana ppresieda l-każ. L-Ispettur Gabriel Kitcher mexxa l-prosekuzzjoni.
L-avukati Michael Sciriha u Roberto Spiteri dehru għall-vittma. L-avukat tal-għajnuna legali Yanica Barbara Sant dehret għall-akkużat.