Lokali

Abela lanqas biss jaf kemm żdiedet ir-rata tal-għoli tal-ħajja

Lanqas titwemmen. Il-Prim Ministru ta’ pajjiżna ma kienx jaf iwieġeb kemm żdiedet ir-rata tal-għoli tal-ħajja. Dan hekk kif f’April, l-inflazzjoni żdiedet minn 2.1 fil-mija għal 2.4 fil-mija, l-aktar riżultat taż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel.

Din kienet ir-reazzjoni inizjali ta’ Robert Abela meta affaċjat b’domanda mill-aktar sempliċi li saret minn Net News. Bil-Prim Ministru, minflok iwieġeb, prova jirribatti b’mod partiġġjan.

Dan meta in-nies qed ibatu ta’ kuljum minn prezzijiet dejem jiżdiedu, xirja li qed tgħola minn xahar għall-ieħor, pagi li mhux ilaħħqu, u piżijiet oħrajn bħax-xiri ta’ mediċini li jkunu out-of stock.

Iżda skont il-Prim Ministru ta’ pajjiżna, il-Gvern tiegħu wettaq ħafna miżuri.

Kien f’Marzu li għadda meta fil-Parlament, il-Gvern imblokka l-proposti tant importanti li kien ressaq il-Partit Nazzjonalista sabiex bħala pajjiż niġġieldu l-għoli tal-ħajja. Dan hekk kif id-deputati tal-Gvern ivvutaw KONTRA l-mozzjoni kif imressqa oriġinarjament mill-Kap tal-PN Bernard Grech.

Meta kien pressat minn dan l-istazzjon, Robert Abela qalilna biss li hemm dawk li sejjaħ “realtajiet”. Iżda baqa’ ma weġibx kemm hi r-rata tal-għoli tal-ħajja.

…dan filwaqt illi stqarr li skont hu, mhux se jibqa’ sieket. Għalkemm fuq ir-rata tal-għoli tal-ħajja, bqajna mingħajr tweġiba.

Il-PN qed iressaq numru ta’ proposti biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-għoli tal-ħajja. Fosthom, li l-COLA tibda tingħata sħiħa, li jingħata appoġġ lill-importaturi u l-esportaturi, li tinħoloq ekonomija li toffri jobs b’pagi aħjar, u li n-nies ikollhom aktar flus fil-but – inkluż bit-tneħħija tat-taxxa fuq l-ewwel 10,000 ewro li ħaddiem jaqla’ minn xogħol part-time jew mill-overtime.