Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs wara li seraq logħob tal-Lego u hedded mara

Raġel ta’ 34 sena ġie kundannat erba’ snin ħabs wara li seraq mijiet ta’ ewro f’logħob tal-Lego u hedded mara. Emphraim Bezzina seraq kaxxa Lego minn ħanut f’Ħaż-Żabbar u kit Lego Ferrari minn ħanut f’Ħal Għaxaq. Ir-raġel wettaq is-serqiet f’Diċembru tas-sena l-oħra.

Bezzina ngħata sentenza ta’ erba’ snin ħabs wara li ammetta s-serqa f’seduta preċedenti. Huwa ġie ordnat iħallas €300 lill-ħanut ta’ Ħaż-Żabbar u €500 lil dak ta’ Ħal Għaxaq fi żmien ħames snin għas-settijiet tal-Lego misruqa.

Instab ħati wkoll li kkaġuna biża’ lil mara li tintuża vjolenza kontriha, heddedha u kiser ordni restrittiva favur l-istess persuna. Lura f’Jannar, il-qorti semgħet kif is-sieħba tar-raġel marret għand t-Taqsima tal-vjolenza domestika tal-pulizija biex tressaq rapport kontra Bezzina.

Dak iż-żmien, il-mara qalet li kienet lura mar-raġel, minkejja li l-qorti kienet ħarġitilha ordni ta’ protezzjoni kontrih qabel. Madankollu, hija qalet li kienet temmet ir-relazzjoni għal darb’oħra, ġurnata qabel u li meta għamlet dan, hu heddedha u pprova jisforzaha tisraqlu l-affarijiet.

Il-prosekuzzjoni u d-difiża ressqu sottomissjoni b’mod konġunt dwar il-kastig, fejn talbu sentenza effettiva ta’ erba’ snin ħabs. Huma talbu wkoll ordni ta’ trattament biex jgħinu jegħleb problema tad-droga.

Il-qorti fil-konsiderazzjonijiet tagħha qalet li l-kastig mitlub kien qrib l-ammont minimu permess mil-liġi. Hija kkunsidrat ukoll ir-rekord kriminali tar-raġel, li ġie deskritt bħala “mhux allarmanti”, u x-xewqa tiegħu li jsib għajnuna u jegħleb il-vizzju tad-droga tiegħu.

Osservat ukoll li r-raġel kiser ordni restrittiva f’inqas minn tliet xhur wara li ġiet imposta fuqu. Huwa ngħata ordni ta’ trattament ta’ ħames snin u ordni restrittiva ta’ ħames snin. Il-Maġistrat Ann Marie Thake ippresediet il-qorti.