VK NOVI BEOGRAD………….. 10
BARCELONETA………………….. 10
(Novi Beograd rebħu 5-4 bl-għoti tal-penalties)
(3-3), (2-1), (1-3), (4-3)
Il-ħolma ta’ VK Novi Beograd li jsiru Champions tal-Ewropa għall-ewwel darba għadha ħajja hekk kif se jikkontestaw il-finali taċ-Champions League. Huma kellhom jegħlbu l-ostaklu diffiċli ta’ Barceloneta u l-għoti tal-penalties biss setgħu jifirduhom.
Konfront ta’ livell bejn fost l-aqwa erbgħa tal-Ewropa, bl-ebda tim qatt ma kellu aktar minn żewġ gowls vantaġġ. Novi Beograd kellhom persentaġġ aħjar fl-azzjonijiet ta’ superjorità numerika b’40% suċċess filwaqt li l-Ispanjoli wkoll skorjaw erba’ gowls iżda minn 14-il okkażjoni. Għal Barceloneta spikkaw fost l-oħrajn l-Ispanjoli Alvaro Granados u l-gowlkiper Unai Aguirre filwaqt li Dimitrios Skoumpakis u Milos Cuk kienu fost l-aħjar għal Novi Beograd.
Novi Beograd ħadu vantaġġ kmieni fil-logħba b’gowls ta’ Vasilije Martinovic u Luka Gladovic sakemm Alberto Munarriz minn man-up u penalty ta’ Alvaro Granados ikkanċellaw id-differenza. Beograd wieġbu mill-ewwel minn man-up li ġie skorjat minn Bilal Gbadamassi iżda reġa’ kien Granados li ġab id-draw fl-aħħar minuta tas-sessjoni.
Għall-ewwel darba fil-logħba, Barceloneta marru fil-vantaġġ fil-bidu tat-tieni sessjoni iżda Beograd dawru r-riżultat fl-aħħar parti tat-tieni sessjoni l-ewwel b’gowl minn man-up ta’ Milos Cuk biex imbagħad kien il-Grieg Dimitrios Skoumpakis li skorja b’xutt mis-sitt metri.
Il-captain Cuk saħansitra rdoppja l-vantaġġ tas-Serbi iżda reazzjoni ta’ Barceloneta wasslet biex l-Ispanjoli dawru r-riżultat u marru 7-6 minn fuq. Granados u Bernat Sanahuja skorjaw it-tnejn minn superjorità numerika filwaqt li Gergely Burian skorja b’xutt għar-rokna.
Il-logħba kienet għadha miftuħa beraħ. F’żewġ okkażjonijiet, Novi Beograd għamlu l-iskor indaqs iżda Barceloneta wieġbu darbtejn. Novi Beograd kienu għoddhom rebħu l-logħba meta qelbu r-riżultat fl-aħħar żewġ minuti permezz ta’ Miroslav Perkovic mis-centre u Skoumpakis mis-sitt metri. Madankollu Burian ġab id-draw fl-aħħar sekonda b’mod drammatiku u tefa’ l-logħba biex tiġi deċiża bl-għoti tal-penalties.
Hawn spikkat il-kapaċità tal-plejers li skorjaw l-ewwel erba’ penalties tagħhom. Felipe Perrone, Alvaro Granados, Vince Vigvari u Bernat Sanahuja skorjaw għal Barceloneta filwaqt li Vasilije Martinovic, Nikola Lukic, Marko Dimitrijevic u Angelos Vlahopoulos skorjaw għal Novi Beograd. Fil-ħames u l-aħħar penalty, Milan Glusac salva l-penalty ta’ Unai Biel Lara, b’Milos Cuk skorja l-penalty rebbieħ.
VK Novi Beograd: M. Glusac, B. Gbadamassi (1), D. Skoumpakis (2), V. Martinovic (2), M. Cuk (2), L. Gladovic (1), D. Vucinic, M. Dimitrijevic (1), M. Perkovic (1), A. Vlahopoulos, N. Lukic, D. Trtovic, F. De Michelis
Zodiac CNAB: U. Aguirre, M. Famera, A. Granados (5), A. Munarriz (1), B. Sanahuja (1), V. Vigvari (1), B. Gomila, G.Burian (2), R. Tahull, F. Perrone, U. Biel, A. Bustos, N. Porter
Referees: Boris Margeta (Slovenja), Frank Ohme (Ġermanja)
FERENCVAROS……………. 14
CN MARSEILLE…………….. 11
(5-2), (3-2), (2-4), (4-3)
Iċ-Champions Ewropej jinsabu pass bogħod li jsiru l-ewwel tim Ungeriż li jiddefendi b’suċċess iċ-Champions League mirbuħa fl-istaġun preċedenti. FTC Telekom jew aħjar Ferencvaros jimmeritahom li waslu sal-finali għalkemm f’mumenti dehru li setgħu jitilfu dak li ħadmu għalih. Marseille batew minn bidu inċert u kellhom jiġru wara r-riżultat tul il-logħba.
Ferencvaros fetħu bl-aqwa mod possibbli u bnew vantaġġ ta’ tliet gowls permezz ta’ Stylianos Argyropoulos, Dusan Mandic u Vendel Vigvari. Marseille wieġbu darbtejn minn man-ups skorjati mill-veteran Andrija Prlainovic iżda bejniethom Ferencvaros kienu skorjaw darbtejn oħra.
Marseille skorjaw it-tielet man-up tagħhom fit-tieni sessjoni mill-eks Sliema Michael Bodegas u naqqsu d-distakk għal 5-3. Madankollu l-Ungeriżi baqgħu fil-kontroll u fl-aħħar minuta skorjaw darbtejn permezz ta’ Adam Nagy mis-sitt metri u Szilard Jansik mill-qrib biex bdew it-tielet sessjoni 8-4.
Marseille tjiebu fit-tielet sessjoni u ġew ippremjati. Iddefendew b’għaqal, ħadu vantaġġ meta kellhom is-superjorità numerika u daħlu fil-logħba. Minn żvantaġġ ta’ erba’ gowls, Marseille naqqsu d-distakk għal 9-7 u 10-8 rispettivament.
Il-Franċiżi saħansitra għamlu l-iskor indaqs għall-ewwel darba fil-logħba fl-aħħar sessjoni b’gowls tal-veterani Prlainovic u Bodegas. Madankollu kienet pronta r-reazzjoni ta’ Ferencvaros li reġgħu bnew vantaġġ doppju bil-gowls minn man-up ta’ Mandic u Erik Molnar. Vernoux ħalla lil Marseille jittamaw sakemm Miguel de Toro u Nagy għalqu l-logħba b’gowls li wkoll waslu minn superjorità numerika.
Ferencvaros: D. Szakonyi, D. Mandic (2), K. Manhercz (1), A. Nagy (2), M. Vamos (2), E. Di Somma (1), G. Fekete, S. Argyropoulos (2), E. Molnar (1), C. Vigvari (1), S. Jansik (1), M. De Toro (1), S. Vogel
Marseille: P. Tesanovic, D. Angyal, U. Crousillat (1), V. Spaic, A. Prlainovic (3), T. Vernoux (3), M. Larumbe, A. Bouet, R. Marion Vernoux (1), M. Bodegas (3), P.F. Van Peperstraete, A. Velotto, A. Hovhannysian
Referees: Andrej Franulovic (Kroazja), M. Zwart (Olanda)
//= $special ?>