Il-midalji mirbuħa minn Malta s’issa | 10 deheb, 16-il fidda u 14-il bronz
L-għodwa t-tajba lil kulħadd. Qorm għar-raba’ jum tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li qed isir f’Andorra. Illum taf tkun ġurnata oħra memorabbli għall-isport Malti, pero ejjew ma ngħaġġlux u għalissa nittamaw biss li dak li rrnexxilha tagħmel Malta, fid-diversi dixxiplini sportivi, fl-ewwel tliet t’ijiem ta’ dawn il-logħob, ikompli jirrepeti ruħu anke llum.
Għawm Nisa | Michela Portelli titlef il-bronż fil-50 metru butterfly bi ftit
Michela Portelli, li diġa’ rebħet midalja bronz f’Andorra fil-100 metru butterfly, tilfet iċ-ċans li tirbaħ it-tieni midalja personali tagħha, meta fil-50 metru butterfly tan-nisa hi daħlet ir-raba’ minn fost l-għawwiema finalisti.
Il-ħin ta’ Portelli kien ta’ 28’74, bid-deheb tintrebaħ minn Kalia Antoniou ta’ Ċipru li għamlet ħin ta’ 26.80. Sentejn ilu, Antoniou kienet ikklassifikat fit-tieni post f’din l-istess finali u kienet rebħet il-fidda.
Għawm Irġiel | Kyle Micallef jikklassifika fl-aħħar post fil-50 metru butterfly
Riżultat diżappuntanti għal MaltI, Kyle Micallef fil-finali tal-50 metru butterfly tal-Irġiel. Micallef, sfortunatament, temm fl-aħħar post ta’ din il-finali. Id-deheb f’din l-event tal-Għawm jintrebaħ minn għawwiem tal-Montenegro.
Għawm Irġiel | Anke fil-finali tal-50 metru backstroke Malta tispiċċa fl-aħħar post
Jidher li dalgħodu ftit li xejn qed ikolna fortuna u riżultati ta’ rebħ fil-Pixxina tal-Għawm ta’ Serradells. Fil-finali tal-50 metru backstroke tal-Irġiel, l-għawwiem Malti, Sean James Wareng temm fl-aħħar post minn fost tmien finalisti. Kien għawwiem minn Liechtenstein, Rufus Bernhardt temm fl-ewwel post u rebaħ id-deheb.
Għawm Nisa | Malta tispiċċa fir-raba’ u s-sitt post fil-finali tal-50 metru backstroke
Fil-50 metru backstroke tan-nisa, fil-finali kelna żewġ Maltin li rrnexxilhom javvanzaw mal-aħħar tmienja wara li kkompetew l-ewwel fl-istadju tal-heats. Sfortunatament anke f’din il-finali ma ksibna ebda rebħ ta’ midalji, b’Zoe Annabel Cawsey tispiċċa fir-raba’ post u Victoria Balderacchi tidħol is-sitt waħda.
Għawm Nisa | Zoe Annabel Cawsey terġa’ tkun qrib il-bronż
Zoe Annabel Cawsey terġa’ tkun viċin ir-rebħ tal-midalja tal-bronż iżda daqstant ieħor ‘il bogħod meta fil-finali tal-50 breastroke, l-għawwiema Maltija temmet fir-raba’ post.
Table Tennis Nisa | Malta tavvanza għall-finali tal-Women’s Team
Qed jaslu aħbarijiet sbieħ minn Canillo fejn qed tintlagħab it-Table Tennis. Fl-event tal-Women’s Team, Malta għadha kemm aċċertat mir-rebħ ta’ midalja tal-fidda meta għelbet lil San Marino fl-istadju tal-aħħar erbgħa.
Għaldaqstant issa nistennew sabiex insiru nafu kontra min se tilgħab Malta fil-finali, meta fit-tieni semi-finali tal-Women’s Team, Ċipru tilgħab kontra l-Lussemburgu.
Il-finali ta’ din l-event se tintlagħab aktar tard illum, fis-1:15pm.
Tennis Nisa | Francesca Curmi rebħet l-ewwel set fis-semi-finali tas-singles
Bidu tajjeb fis-semi-finali tas-singles tan-nisa tat-Tennis għal Francesca Curmi, hekk kif il-Maltija rebħet l-ewwel set 6-3 kontra Marie Weckerle tal-Lussemburgu. Jeżistu indikazzjonijiet tajba li f’din il-kompetizzjoni, Curmi tagħmilha għall-Finali u b’hekk tiggarantixxi b’ċertezza l-midalja tal-fidda.
Table Tennis Irġiel | Malta minn fuq fis-semi-finali tal-Men’s team
It-Table Tennis ikompli jagħtina aktar tama ta’ riżultati sbieħ sal-aħħar tal-ġurnata tal-lum, meta fil-Men’s team event, Feliz Wetzel, li hu Malti, rebaħ 3-0 kontra Federico Giardi ta’ San Marino, fl-ewwel partita.
Tennis Nisa | Francesca Curmi rebħet l-ewwel set fis-semi-finali tas-singles
Tinqaleb is-sitwazzjoni f’Prinicesport fejn qed jintlagħab it-Tennis. Wara li bdiet tajjeb fis-semi-finali kontra Marie Weckerle, Francesca Curmi ħassitha ma tiflaħx u tilfet it-tieni u t-tielet set biex taret mar-riħ il-ħolma ta’ midalja tad-deheb fis-singles tan-nisa.
Curmi kienet tassew sfortunata għaliex Net News hu infurmat li sa minn qabel din il-logħba, hi kellha virus, li f’waqtit mis-semi-finali beda’ jikkondizzjonha l-prestazzjoni tagħha tant li kien hemm drabi fejn Curmi kellha tieqaf għal assistenza medika.
Curmi baqgħet tilgħab sal-aħħar b’qalb kbira iżda tilfet 3-6,6-1, 6-2. B’hekk Curmi rebħet il-bronż u issa nittamaw li l-kundizzjoni tagħha tkun aħjar fis-sigħat li ġejjin għaliex fis-2:30pm, hi flimkien ma’ Elaine Genovese se jkunu qed jilgħabu għar-rebħ tad-doubles tan-nisa kontra koppja mill-Lussemburgu.
Kuraġġ Francesca!
Table Tennis Irġiel | L-irġiel Maltin tad-doubles jagħmluha mingħajr problemi għall-finali
Felix Wetzel u Dmitrij Prokopcov, il-koppja Maltija tal-Irġiel fid-doubles tat-Table Tennis, temmet il-logħba tagħha kontra San Marino b’tliet rebħiet minn tliet partiti biex mingħajr ebda problemi għaddejna għall-finali.
Fit-3:15pm, suppost kellha tibda l-finali għar-rebħ tal-midalja tad-deheb fl-event tad-doubles tal-Irġiel, kontra l-koppja mill-Lussemburgu, Mael Van Dessel u Luka Mladenovic. Madankollu din il-finali se tibda aktar tard, peress li l-finali tad-doubles tan-nisa, li qed tintlagħab qabel, il-partita qed tieħu fit-tul.
Tennis Irġiel | Alex Degabriele jirbaħ il-bronż fis-singles tal-Irġiel
Sfortunatament, komplew jonqsu t-tamiet ta’ Malta li matul il-ġurnata tal-lum nirbħu midalji tad-deheb fit-Tennis. Fis-singles tal-Irġiel, l-aħħar atleta Malti li kien għadu fil-kompetizzjoni, Alex Degabriele, tilef is-semi-finali kontra Valentin Vacherot ta’ Monaco bl-iskor ta’ 6-4, 6-2.
B’hekk Degabriele, f’din l-ewwel esperjenza tiegħu f’edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, irnexxilu jirbaħ il-midalja tal-bronż meta temm fit-tielet post. Għaldaqstant din hija t-tieni midalja tal-ġurnata għal Malta; it-tnejn li huma kienu tal-bronż u li waslu permezz tat-Tennis.
Table Tennis Nisa | Malta qed tilgħab għad-deheb fil-finali tad-doubles tan-nisa
Fit-Table Tennis, it-tim tad-doubles tan-nisa, bħalissa qed jilgħab il-finali kontra l-koppja mill-Lussemburgu, Sarah De Nutte u Enisa Sadikovic, b’tama li nirbħu l-midalja tad-deheb.
Wara l-ewwel żewġ partiti, il-partita tinsab fi draw ta’ 1-1. Fl-ewwel logħba tas-singles, l-avversarji tagħna rebħu 3-1, meta għal Malta kienet qed tilgħab Renata Strbikova.
Fit-tieni logħba tas-singles, din id-darba fl-azzjoni għal Malta kienet Maria Carmelia Iacob, li rrnexxilha tirbaħ kontra Enisa Sadikovic bl-iskor ta’ 3-1 , biex b’hekk l-iskor bejn iż-żewġ timijiet ġie f’parita ta’ 1-1.
Bħalissa qed tintlagħab it-tielet logħba, li hi dik tad-doubles. It-tielet logħba ħadet ftit tal-ħin biex tibda, wara li l-Maltija Iacob dehret tingħata l-attenzjoni medika u kien hemm il-biża’ li setgħet ma tkomplix il-partita, li f’dak il-każ kien ikun ifisser li t-tim Malti kien ikollu jirtira mill-logħba u jikkonċedi r-rebħa lill-avversarji. Madankollu wara ftit tal-ħin, Iacob dehret tersaq lejn il-mejda tal-logħob, b’sinjal ċar li kienet se tkompli tilgħab.
Malta b’hekk trid tirbaħ il-partita tad-doubles biex nirbħu d-deheb. Nittamaw li dan ikun il-każ.
Ġinnastika Ritmika | Bidu diffiċli għal Malta Individual All-Around tal-Hoop
Fil-Ġinnastika Ritmika, fil-Final tal-Individual All-Around tal-Hoop, l-unika Maltija fl-azzjoni f’din l-event kienet Alyona Draguzya. Sfortunatament, ir-riżultat miksub mill-atleta li rrapreżentant lil pajjiżna kien fqir wisq biex tkun minn ta’ quddiem fost l-atletli finalisti, u temmet fil-15-il post minn fost 17-il atleta finalist.
Rugby 7s Irġiel | Malta titlef fis-semi-finali u se tilgħab għar-rebħ tal-midalja tal-bronż
Ta bilħaqq li din ir-raba’ ġurnata kienet waħda diżappuntanti għaliex kien hemm stennija akbar, b’riżultati bil-wisq aħjar milli ksibna s’issa.
Wara l-bidu pożittiv mit-tim Malti tar-Rugby 7s, illum, fis-semi-finali kontra Monaco, tlifna 26-21.
B’hekk intilfet l-opportunitá li nirbħu l-midalja tad-deheb f’din id-dixxiplina u aktar tard illum, f’logħba li suppost għandha tibda fis-6:45pm, nilgħabu l-partita għar-rebħ tal-midalja tal-bronż kontra l-Lussemburgu.
Table Tennis Nisa | Il-koppja femminili titlef id-deheb fid-doubles
Renata Strbikova u Maria Carmelia Iacob, il-koppja li rrapreżentant lil Malta fid-doubles tan-nisa, baqgħu jitħabtu sal-aħħar kontra Sarah De Nutte u Enisa Sadikovic, għar-rebħ tal-midalja tad-deheb, iżda fil-mument deċiżiv tal-logħba, il-Maltin konna sfortunati u tlifna l-logħba.
Biż-żewġ timijiet jirbħu logħba kull wieħed fis-singles, id-dwell tad-doubles kien se jiddeċidi kollox għal min kien se jirbaħ id-deheb fid-doubles tan-nisa. Din it-tielet logħba spiċċat marret għal ħames set wara li l-iskor kien 2-2 fit-tmiem tar-raba’ set. Iżda fis-set deċiżiv, il-Maltija Iacob kellha tirtira minħabba injury, li kienet ilha tissaporti iżda lejn l-aħħar ma felħitx aktar u kellha tirtira mil-logħba biex b’hekk ikkonċedejna telfa li tat il-midalja tad-deheb lill-Lussemburgu.
Ħasra pero fil-veritá, wieħed irid ifaħħar lil Iacob, li qabel ma irtirat mill-logħba, tat kollox u għamlet il-massimu biex tipprova tispiċċa l-konfront sal-aħħar. B’hekk Malta ħadet il-fidda minn din il-kompetizzjoni.
Tennis Nisa | Fidda għal Genovese u Curmi fid-doubles tan-nisa
Ġurnata tassew sfortunata u diżappuntanti għal Malta fit-Tennis, f’jum fejn stajna nirbħu diversi midalji tad-deħeb u spiċċajna biex ma ħadna ebda midalja ta’ dan il-lewn.
Fil-finali tad-doubles tan-nisa, Elaine Genovese u Francesca Curmi ħarġu telliefa kontra Eleonora Molinard Simon u Marie Weckerle tal-Lussemburgu b’żewġ sets għal xejn biex b’hekk minn din il-kompetizzjoni, Malta ħadet fidda oħra fit-Tennis. Ħasra għaliex dan kien l-aħħar ċans tagħna biex minn din id-dixxiplina stajna nirbħu d-deheb.
Table Tennis | Malta tirbaħ l-ewwel midalja tad-deheb tal-ġurnata
Fir-raba’ jum tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li qed isiru f’Andorra, Malta żammet il-konsistenza li tal-anqas nirbħu midalja waħda tad-deheb f’kull ġurnata. S’issa, għal-lum il-Ġimgħa, irnexxilna nirbħu l-ewwel midalja tad-deheb li f’din l-edizzjoni tammonta għal għaxar midalji ta’ dan il-lewn. Dain il-midalja waslet fid-dixxiplina tat-Table Tennis, permezz tat-tim tad-doubles tal-Irġiel.
L-atleti Maltin, li fl-aħħar snin ingħataw passaport Malti sabiex jirrapreżentaw lil pajjiżna f’dan l-isport, Felix Wetzel u Dmitrij Prokopcov kellhom jitħabtu mhux ftit biex għelbu lill-koppja mill-Lussemburgu, Mael Van Dessel u Luka Mlademovic bl-iskor finali ta’ 2-1.
Iż-żewġ timijiet rebħu logħba kull wieħed fis-singles għaldaqstant l-aħħar partita, dik tad-doubles kienet kruċjali u Malta rebħet din il-logħba tliet sets għal 2 biex b’hekk aċċertajna mir-rebħ tal-midalja tad-deheb, l-ewwel waħda tal-ġurnata.
//= $special ?>