Il-grupp Ħamas, bħalissa, qed janalizza l-pjan tal-Istati Uniti għal waqfien mill-ġlied f’Gaza. U minkejja rapporti li Iżrael ‘esprima appoġġ’ għall-proposti mressqa mill-Amerikani, il-Ħamas għażel li jistudja dawn il-proposti aktar bir-reqqa u għat-tul taż-żmien.
Madankollu, il-White House f’Washington għamilha ċara li kien qed jistenna reazzjoni formali mill-Ħamas u meta s-sitwazzjoni għall-għexieren tal-eluf tal-familji Palestinjani f’Gaza qed issir dejjem aktar iddisprata.
Il-pjan imressaq mill-Istati Uniti jipproponi waqfien mill-ġlied ta’ 60 jum fil-Medda ta’ Gaza, flimkien ma’ skambju bejn l-ostaġġi Iżraeljani u l-priġunieri Palestinjani.
Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied preċedenti bejn Iżrael u l-Ħamas kien ikkrolla, f’Marzu, meta l-Iżraeljani wettqu assedju totali fuq Gaza fost il-fażi ġdida tal-offensiva militari fuq it-terroristi fit-territorju.
Minn dakinar ‘il hawn inqatlu kważi 4,000 Palestinjan f’Gaza, b’Iżrael qed jgħid li l-gwerra tista’ tieqaf ‘mal-ewwel’ jekk il-Ħamas jeħilsu l-aħħar minn fost l-ostaġġi Iżraeljani li ilhom iżommu (f’Gaza) minn Ottubru tal-2023.
Sadanittant, il-Kap tal-Organizzazzjoni għall-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti, Tom Fletcher, qal li r-residenti ta’ Gaza qed ikunu suġġetti għal politika ta’ ‘ġuh sfurzat’ mill-Iżraeljani.
Dan fost l-akkużi li Iżrael qed jimblokka l-maġġoranza tal-għajnuna milli tidħol f’Gaza – b’Jens Laerke, kelliem għall-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji, jisħaq li Gaza nbidlet ‘fl-aktar ċentru tad-dinja li spiċċa mifni bil-ġuh.’ Fil-fatt, Laerke qed jinsisti li l-popolazzjoni kollu ta’ Gaza, mingħajr eċċezzjoni, jinsab f’periklu li jmut bil-ġuh fi kwistjoni ta’ ftit ġimgħat.
L-osservaturi jemmnu li ftehim ieħor għal waqfien mill-ġlied f’Gaza qed ikun imxekkel mill-interpretazzjonijiet ta’ Iżrael u l-Ħamas dwar l-obbligi rispettivi biex dan ikun irrealizzat.
Fil-verità, l-implimentazzjoni tal-ftehim potenzjali x’aktarx li tiddependi mill-impenn personali tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.
Fl-istess ħin, l-ebda naħa – inkluż Iżrael – ma trid iġġorr ir-responsabbiltà għall-falliment tal-aħħar inizjattivi għall-ħelsien tal-ostaġġi u t-tmiem tat-tbatija tal-familji f’Gaza.
U waqt li għadhom fl-ajru l-prospetti għal waqfien mill-ġlied sostenibbli, l-Istati Uniti, Iżrael, il-Ħamas – flimkien mal-Eġittu u l-Qatar li wkoll qed iservu bħala medjaturi — beħsiebhom ikomplu jistinkaw biex inaqqsu mid-differenzi li baqgħu jostakolaw ftehim finali….Negozjati diffiċli li mistennija jkomplu għal żmien indeterminat.
//= $special ?>