Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola wasslet messaġġ ta’ tama u mod kif
in-negozji Maltin jistgħu jiġu mgħejuna biex jirnexxu: “L-ottimiżmu tiegħi huwa msejjes fuq
it-talent u d-determinazzjoni tan-nies tagħna. Jekk intuhom l-għodda u l-opportunitajiet li
jistħoqqilhom, m’hemm l-ebda limitu għal dak li Malta tista’ tikseb.”
Meta tkellmet fil-Konferenza Biennali tal-Istitut Malti tal-Accountants, Metsola għamlet sejħa
biex Malta timmodernizza l-mudell ekonomiku tagħha biex tibqa’ kompetittiva, f’dinja li qed
tevolvi b’rata mgħaġġla.
Fid-diskors, il-President Metsola saħqet dwar l-urġenza li pajjiżna
jħaddan d-diġitalizzazzjoni, jissimplifika il-burokrazija, u jinvestu f’infrastruttura strateġika.
Metsola qalet li tħares lejn l-ekonomija b’“ottimiżmu realistiku,” billi tirrikonoxxi l-isfidi attwali
iżda tafferma l-kapaċità ta’ Malta li tmexxi bil-mentalità u d-direzzjoni politika t-tajba. “Ma
nistgħux nibqgħu nibqgħu nibżgħu milli naġixxu għax nħossuna skomdi, u mbagħad
nissorprendu ruħna meta nitilfu l-opportunitajiet li jistgħu jmexxuna ‘l quddiem,” qalet, waqt li
rreferiet għal bidliet teknoloġiċi bħall-intelliġenza artifiċjali.
Tkellmet dwar id-distakk fl-innovazzjoni bejn l-Ewropa u l-kompetituri globali, speċjalment
fil-produttività u l-integrazzjoni diġitali. Metsola ħeġġet lil Malta biex ma ssegwix, iżda tkun
minn ta’ quddiem biex tattira investiment intelliġenti li jibbenefika l-livelli kollha tan-negozju,
minn ditti multinazzjonali għal intrapriżi żgħar. “Għandna bżonn politika industrijali
ġdida—waħda li ddaħħal l-AI fix-xena u tiffoka fuq il-ħiliet li n-nies jeħtieġu llum”.
Dwar l-ineffiċjenzi strutturali, Metsola esprimiet tħassib dwar id-dewmien ikkawżat
mill-burokrazija governattiva, li ddeskriviet bħala ostaklu persistenti għall-intraprendituri
lokali. Filwaqt li enfasizzat li aktar minn terz tal-SMEs jonfqu aktar minn 10% tal-ħaddiema
tagħhom fuq il-konformità regolatorja, hija appellat għal simplifikazzjoni radikali tal-proċessi
leġiżlattivi. Hija tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-konnettività u l-infrastruttura—kemm
diġitali kif ukoll fiżika—bħala l-pedamenti tat-tkabbir ekonomiku