Lokali Qorti

Ix-xhieda tal-“Koħħu” hija msaħħa mill-provi li nġiebu waqt il-ġuri – Il-Prosekuzzjoni

Ix-xhieda ta’ Vince Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” hija msaħħa mill-provi li nġiebu waqt il-ġuri u l-allegazzjonijiet tad-difiża li dan gideb hija waħda infondata. Anke x-xjenza tgħat raġun lil Muscat fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop.

Waqt li l-prosekzzjoni bdiet turi għal darba oħra ritratti tal-Avukat Chircop maqtul fil-garaxx tiegħu, l-Avukat Anthony Vella qal li lill-vittma baqgħu jisparawlu anke waqt li kien nieżel u ħlew fuqu romblu sħiħ. Tawh sitt tiri, li erba’ minnhom laqtu l-ġisem tiegħu.

Ir-rapport tal-espert mediku legali Mario Scerri ukoll ikkonfermat li t-tiri ġew sparati minn xi ħadd minn għoli li taqbel li kien qed jispara minn pożizzjoni ta’ bilqiegħda. Għalhekk ma jreġix l-argument li ġara mod ieħor. L-istess għoli mqabbla ma’ persuna li kienet fis-seat ta’ wara, u minn karozza. Dan kollu jxejjen l-argumenti tad-difiża li Muscat huwa giddieb, qal lill-ġurati l-Avukat Vella.

Kompla jgħid li dan huwa bniedem li ammetta l-involviment tiegħu u li anke b’mod ċar qal x’kien liebes l-avukat dak inhar u l-fatt li wara t-tluq mix-xena tad-delitt kien hemm visor tax-xemx imniżżla fil-karozza Toyota Ractis biex is-sewwieq ma jinqabadx minn xi CCTV camera fit-triq.

Huwa ċar li l-pożizzjoni tal-qattiela kien qal Muscat kienet li hu kien wara s-seat tal-passiġġier u Jamie Vella kien wara George Degiorgio li saq il-karozza. Il-prosekuzzjoni spjegat d-dinamika ta’ kif il-balal daħlu u ħarġu minn fuq il-vittma u dan ukoll bl-għajnuna ta’ ritratti mill-awtopsja li saret fuqu.

Il-prosekuzzjini spjegat f’ħafna dettal li l-punti tad-dħul u l-ħruġ tal-balal jindikaw li t-tiri ġew sparati minn xi ħadd li kien bilqiegħda, li jikkonferma li min spara kien bilqiegħda f’karozza. Meta l-Ġimgħa kompla l-ġuri li qed jinstema’ f’awla 22 tal-Qorti kontra erba’ rġiel, b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017 u l-Avukat Carmel Chircop fl-2015, l-prosekuzzjoni fil-bidu bdiet tirrifreska l-memorja tal-ġurati dwar dak li seħħ il-Ħamis, fejn hija kienet bdiet ir-replika tagħha.

Il-ġuri issa daħal fit-32 jum tiegħu u li dan ilu għaddej sa mill-25 ta’ April li għadda bil-provi jinstemgħu b’mod regolari bejn it-Tnejn u s-Sibt. Il-ġuri li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima, hemm akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop.

Chircop kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru, 2015, filwaqt li Caruana Galizia kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio.

Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-irġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

Il-prosekuzzjoni qalet lill-ġurati li l-evidenza tappoġġja b’mod b’saħħtu l-verżjoni tal-ġrajjiet ta’ Vince Muscat. “M’iniex it-tip ta’ persuna li niġi hawn biex noqgħod ngħajjat ​​u nipprova nbigħlek verżjoni ta’ ġrajjiet li ma seħħewx,” sostna il-prosekutur Anthony Vella. “Jien niddependi biss fuq l-evidenza.”

Huwa spjega li l-investigaturi, ix-xhieda, u Vince Muscat taw deskrizzjonijiet simili ta’ dak li ġara kmieni filgħodu tal-qtil ta’ Chircop. Il-prosekuzzjoni qed tipprova tikkonvinċi lill-ġurati li t-tentattiv tad-difiża li titfa’ d-dubju fuq Muscat, ix-xhud ewlieni dwar l-involviment tal-akkużati ma jreġiex meta hemm evidenza konkreta u soda.

Il-Prosekutur Vella wara beda ifiehem lill-ġurati dwar il-każ fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa sostna li l-verżjoni ta’ dak li seħħ prodotti minn Melvin Theuma jaqblu perfettament ma’ ta’ Vince Muscat, u dan isaħħaħ l-integrità ta’ Muscat bħala xhud.

Hawn l-Avukat Vella qal li wkoll dak li qal Muscat jikkolabora ma’ dak kollu li xehdu l-esperti mir-rapporti tagħhom u mill-investigazzjoni tal-Pulizija. Eżempju ta’ dan huwa loqma ta’ sigarett misjub f’wieħed mill-postijiet fejn kienet qed issir l-għassa ħdejn id-dar ta’ Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija. Dan kellu traċċi ta’ DNA li kien jappartjeni lil Alfred Degiorgio.

Każ ieħor fejn il-verżjoni ta’ Muscat taqbel mal-evidenza huwa meta ddeskriva d-dimensjonijiet tal-isplussiv użat fil-bomba li qatlet lil Caruana Galizia. Dr. Vella jinnota wkoll li t-tifel ta’ Caruana Galizia, Matthew ikkonferma dak li qal Vince Muscat dwar il-movimenti tal-vittma fil-jum li nqatlet.

Fosthom dik li fil-jum tal-qtil tagħha, hija ħarġet mid-dar tagħha, u reġgħet daħlet għax insiet iċ-cheque book peress li dak inhar kellha laqgħa l-bank. Il-prosekuzzjoni hawn għaddiet biex tgħid lill-ġurati fuq id-dejta miġbura mill-investigaturi dwar il-moviment tal-‘burner phones’ użati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-ġurati ġew murija kif l-investigaturi segwew il-post tat-telefonati li saru mill-mowbajls użati fil-qtil, kif ukoll is-sim card impoġġija mal-bomba li kienet kruċjali għad-detonazzjoni tagħha.

“Kienet kumbinazzjoni meta l-bomba nxtegħlet kienet fil-garaxx ta’ Robert Agius”?

Il-Prosekutur Anthony Vella juri kif id-dejta tikkonferma d-dettalji fix-xhieda ta’ Vince Muscat, inkluż il-ħin meta l-bomba nxtegħlet u meta rċeviet il-messaġġ tad-detonazzjoni. Il-ġurati ġew murija wkoll il-moviment tal-mowbajl li bagħat l-SMS fatali, li jidher jivvjaġġa barra l-port ta’ Marsamxett u lejn ix-Xgħajra.

Jingħad lill-ġurati li meta l-bomba nxtegħlet, kienet “b’kumbinazzjoni” tinsab f’garaxx li kien ta’ Robert Agius li kien jintuża wkoll minn Jamie Vella. Il-prosekuzzjoni qalet li f’okkażjoni oħra meta l-bomba nxtegħlet, din ikkonnettjat ma’ ‘cell tower’ qrib il-villa tal-aħwa Ta’ Maksar fil-Mosta.

“Trid tiddeċiedu jekk dawn humiex biss koinċidenzi,” saħaq l-Avukat Vella mal-ġurati. Qal li dawn fatti li juru fejn tinsab il-verità. Il-prosekuzzjoni irrevedit bir-reqqa d-dejta miġbura mill-investigaturi li turi l-movimenti tal-qattiela fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kif ukoll il-movimenti tal-bomba.

Il-ġurati ntwerew aġġornamenti kull siegħa dwar il-post tal-mobajls li ntużaw mill-qattiela. “Kieku Vince Muscat kien qed jigdeb, l-evidenza tikkonferma dak li qal?” tistaqsi l-prosekuzzjoni. Huwa jirringrazzja lill-ġurati għall-paċenzja tagħhom, filwaqt li jirrikonoxxi li ma kienx faċli li jsegwu d-dejta taċ-ċellulari.

Fis-sessjoni ta’ wara nofs inhar l-prosekuzzjoni għaddiet biex titkellem dwar it-tħejjijiet għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia skont Melvin Theuma u Vince Muscat, u tispjega li l-verżjoni tat-tnejn jaqblu u jikkorroboraw lil xulxin.

Il-Prosekutur Vella qal li l-akkużati ma kellhom l-ebda assi f’isimhom stess, u fakkar li l-garaxxijiet tagħhom kienu mikrija, il-vetturi u l-armi tagħhom kienu rreġistrati f’ismijiet ta’ nies oħra. Huwa żied jgħid li użaw mobajl burner biex jillimitaw kwalunkwe traċċa tal-involviment tagħhom fil-qtil.

Il-prosekuzzjoni tenniet li filwaqt li ma nstab xejn illegali fid-djar tal-akkużati, total ta’ 25 mowbajl ġew elevati, u żiedet li s-suspettati kienu jafu bl-arresti li ġejjin tagħhom. Huwa qal lill-ġurati għaliex dawn il-manuvri kollha u ddeskrieva lill-akkużati bħala nies attenti ħafna.

Hawn l-avukat Vella beda jagħmel ħafna mistoqsijiet dwar Muscat. “Għaliex Vince Muscat ipponta subgħajh lejn l-akkużati jekk ma kinux involuti fil-qtil?” Meta l-akkużati ntqalilhom li Muscat kien qed ikellem lill-pulizija, dawn dehru sorpriżi.

Il-prosekuzzjoni tkompli ttambar u tispjega l-akkużi kontra l-akkużati, u tgħidilhom kif l-azzjonijiet tagħhom jaqblu mar-reat. Dr. Anthony Vella jgħid lill-ġurati biex jaraw id-deċiżjoni tagħhom bħala lista ta’ kontroll ta’ mistoqsijiet.

“L-akkużati George Degiorgio u Jamie Vella kienu responsabbli għall-mewt ta’ Carmel Chircop wara li sparawlu mill-karozza tagħhom?” “Meta George Degiorgio u Jamie Vella għamlu dan, kellhom l-intenzjoni li joqtluh jew iweġġgħuh?”

“Carmel Chircop inqatel minn din l-aggressjoni?” “Il-qtil ta’ Carmel Chircop kien illegali?” Il-prosekutur qal li t-tweġiba hija iva u b’mod ċar. Huwa ħeġġiġhom illi jekk jaqblu ma’ dan għandhom isibu lill-akkużati ħatja.

l-prosekuzzjoni wara għaddiet biex titkellem dwar it-tifsira ta’ kompliċità f’każ ta’ qtil. “Rajna fejn kienet mixgħula l-bomba,” b’referenza għall-villa tal-Mosta. “Robert u Adrian Agius għamlu lilhom infushom kompliċi meta ppjanaw u kkummissjonaw il-qtil ta’ Charmel Chircop?”

Il-prosekuzzjoni qalet lill-ġurija li l-investigaturi ma straħux sempliċement fuq ix-xhieda ta’ Vince Muscat. “Nista’ nassigurakom li ma konniex inkunu hawn illum kieku ma emminniex din ix-xhieda,” sostna l-Avukat Anthony Vella, li żid li x-xhieda kienet ikkorroborata minn fatti u evidenza.

“L-akkużati Robert Agius u Jamie Vella għamlu lilhom infushom kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia?” tistaqsi l-prosekuzzjoni. “Robert Agius u Jamie Vella kellhom l-intenzjoni li joqtlu lil Daphne Caruana Galizia jew għall-inqas ipoġġu ħajjitha fil-periklu?”

“Daphne Caruana Galizia mietet minħabba din l-aggressjoni?” Huwa saħaq li l-ġurija rat kif spiċċat il-vittma. “Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien illegali?” – kompla jistaqsi. Il-prosekuzzjoni tkellmet fuq l-akkużi li jinvolvu l-pussess ta’ armi tan-nar mhux liċenzjati u n-natura tal-isplużjoni li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

Il-prosekutur Anthony Vella spjega li jekk il-ġurija ssib lill-akkużati ħatja tal-ewwel żewġ akkużi, il-ġurija trid issibhom ħatja tal-akkużi tal-armi tan-nar. Il-ġuri jkompli s-Sibt fid-9am.

L-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella.

L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.