Raġel ta’ 31 sena residenti San Pawl il-Baħar ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ġimgħa wara li tressaq il-Qorti mixli li kellu fil-pusses tiegħu 85 gramma kokaina fil-karozza tiegħu.
Il-Pulizija mid-Distrett tal-Qawra waqqfet lil Alistair Mangion wara li kellha suspett li kien qed isuq karozza Audi taħt l-effett tal-alkoħol jew tad-droga. Hija kienet akkużatu li fit-12 ta’ Mejju li għadda kien fil-pusses ta droga kokaina f’ċirkostanzi li turi li ma kinitx għal użu personali tiegħu.
Huwa ġie mixli wkoll talli naqas li jkollu kontroll totali waqt is-sewqan. Mixli wkoll li saq bla kont u b’mod traskurat u li ma kienx f’kundizzjoni li jsuq minħabba l-effetti qawwija tax-xorb. Waħda mill-akkużi kienet tgħid li tant kemm ikkonsma alkoħol, li l-proporzjon tan-nifs u tad-demm jew tal-urina kienet iżjed mill-limitu preskritt.
Mangion ġie akkużat ukoll li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li fixkilhom waqt il-qadi ta’ dmirjiethom. Ġie mixli wkoll li sar reċidiv. L-Avukat David Gatt għamel talba għall-ħelsien mill-arrest f’isem il-klijent tiegħu, liema talba kienet milqugħa mill-Qorti tal-Maġistrar depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ 10,000 ewro. L-Ispettur Italo Mizzi mexxa l-prosekuzzjoni.
//= $special ?>