Tort tal-inkompetenza tal-Gvern li rtira fondi Ewropej li kienu se jmorru għat-trasport pubbliku, se nkomplu nibilgħu l-exhaust tal-karozzi tal-linja
B’deċiżjoni diretta tal-Gvern li jirtira fondi Ewropej li kienu se jmorru għat-trasport pubbliku, minflok 100 karozza tal-linja li jaħdmu bl-elettriku kif kien imwiegħed fl-2023, illum żdiedu f’pajjiżna 100 karozza tal-linja li jaħdmu bid-diesel.
B’din id-deċiżjoni ntilfu wkoll €7 miljun f’fondi Ewropej għaċ-charging stations tal-istess vetturi, u €50 miljun oħra f’investiment mill-privat, li kienu se jwasslu biex ikollna arja iżjed nadifa u inqas storbju, u biex jgħinu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Dan għaliex dawn huma karozzi li jagħmlu l-ġurnata sħiħa jduru fit-toroq tagħna, u għalhekk għandhom ikunu l-ewwel prijorità fl-elettrifikazzjoni tal-flotta tal-karozzi f’pajjiżna.
Il-kwalità tal-ħajja tagħna tiddependi mill-arja nadifa fit-toroq tagħna. Għal darba oħra, bl-inkompetenza tal-Labour, se nkomplu nibilgħu l-exhaust tal-karozzi tal-linja li jaħdmu bid-diesel kull darba li tgħaddi karozza maġenbna meta nkunu mexjin fit-triq.
Tant kemm il-Gvern hu konxju tad-deċiżjoni ħażina tiegħu li lanqas biss ħabbar iż-żieda ta’ dawn il-karozzi tal-linja, li waslu Malta fl-aħħar sigħat u li wħud minnhom se jibdew jintużaw mil-lum stess.
Gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq trasport tal-massa elettrifikat, li mhux biss inaqqas l-emissjonijiet fit-toroq tagħna, imma jagħtina servizz effiċjenti u adegwat.
Fuq kollox, inwiegħdu kontabbiltà u serjetà fl-infiq pubbliku u fl-infiq tal-fondi Ewropej li jkun fl-interess tal-ġid komuni, u mhux tal-ftit.
Din l-istqarrija ġiet iffirmata minn Mark Anthony Sammut, Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà, David Agius Shadow Minister għall-Fondi Ewropej u Sport, Ryan Callus Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u x-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika Eve Borg Bonello
//= $special ?>