Ir-Russja kkonfermat li, nhar it-Tnejn, għandha tibgħat delegazzjoni lejn it-Turkija għal tieni rawnd ta’ taħditiet ma’ delegazzjoni mill-Ukrajna…Dan meta l-Ewropa kollha qed tittama fi żviluppi sinifikanti li kapaċi jqarrbu t-tmiem tal-konfltt fl-artijiet Ukreni li ilu għaddej minn Frar tal-2022.
Intant, Dmitry Peskov, bħala l-kelliem għall-Kremlin, qal li Moska qed tfassal il-kundizzjonijiet għal waqfien mill-ġlied temporanju u li d-dettalji tagħhom għandhom ikunu diskussa nhar it-Tnejn fil-belt ta’ Istanbul.
Min-naħa tagħha, l-Ukrajna, filwaqt li għadha impenjata għal djalogu, qed iżżomm lura milli tikkonferma s-sehem tar-rappreżentanti tagħha u meta qed tistenna d-dettalji tal-proposti tar-Russi għal waqfien mill-ġlied.
L-ewwel rawnd ta’ taħditiet bejn ir-Russja u l-Ukrajna kien organizzat f’Istanbul, aktar kmieni fix-xahar, u rriżulta fi skambju sostanzjali ta’ priġunieri…L-akbar skambju ta’ dan it-tip mindu l-qawwiet Russi invadew lill-Ukrajna aktar minn tlett snin ilu.
Il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin, Andrii Sybiha, qal li l-Ukrajna diġà ressqet ‘il-viżjoni tagħha dwar kif għandu jissoktaw in-negozjati mar-Russja’. Hu kompla li pajjiżu jrid li Moska taċċetta ftehim għal waqfien mill-ġlied mingħajr il-kundizzjonijet u li għandu jwitti t-triq għal taħditiet aktar konklussivi, ‘il quddiem.
L-Ukreni għandhom interess kbir li l-laqgħat ikomplu meta huma qed jittamaw ukoll li l-gwerra f’pajjiżhom tintemm sal-aħħar tas-sena.
Jekk isiru tassew it-taħditiet tat-Tnejn fit-Turkija, mhux mistenni li dawn jitmexxew fil-preżenza tal-Mexxej Russu, Vladimir Putin u l-President Ukren, Volodymyr Zelensky.
Madankollu, il-Gvern Tork qed jittama li, eventwalment, ilaqqa’ summit tal-ogħla livell dwar il-gwerra fl-Ukrajna — u meta jemmen ukoll ‘li wasal iż-żmien biex Putin, Zelensky u l-President Amerikan, Donald Trump, jiltaqgħu madwar l-istess mejda’.
//= $special ?>