Il-bieraħ, fit-tielet ġurnata tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li qed isiru f’Andorra, Malta kompliet tirbaħ aktar midalji u meta għad fadal jumejn oħra ta’ logħob u possibiltá li nkomplu nirbħu aktar midalji, bl-ammont mirbuħ sal-bieraħ filgħaxija, Team Malta laħaq u ssupera l-aspettattivi li tfasslu qabel bdiet din l-20 edizzjoni. Il-Kumitat Olimpiku Malti għamilha ċar li f’Andorra l-objettiv ta’ Malta kien se jkun li niksbu l-aqwa riżultat fl-ammont tar-rebħ ta’ midalji tad-deheb f’edizzjoni tal-GSSE li sal-lum saret lilhinn minn xtutna.
Għaldaqstant, skont il-mira li tfaslet b’dan it-tragward, f’din l-edizzjoni Malta riedet tilħaq u ttejjeb l-ammont ta’ midalji tad-deheb li pajjiżna kien rebaħ fl-edizzjoni tal-2011 li kienet saret f’Liechtenstein. Qabel il-bidu ta’ din l-edizzjoni f’Andorra, dik tal-2011 kienet l-aqwa waħda bħala rebħ ta’ midalji tad-deheb u ammont totali ta’ rebħ ta’ midalji ta’ lewn differenti, f’edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saret mhux f’Malta.
L-edizzjoni ta’ Liechtenstein 2011, Malta kienet rebħet total ta’ 29 midalja li tmienja minnhom kienu tad-deheb. Wara t-tielet ġurnata ta’ dawn il-logħob, l-ammont ta’ midalji tad-deheb inqabez appena Sascha Gatt rebħet il-finali rispettiva tagħha fl-Ghawm, ral-400 metru freestyle tan-nisa u komplessivament, meta wieħed jgħodd il-midalji kollha mirbuħa s’issa, l-ammont hu ta’ 35 midalja. Dan ifisser li f’Andorra diġa’ irnexxilna nirbħu ammont rekord ta’ midalji fi kwalunkwé edizzjoni li saret qabel lilhinn minn xtutna. Ta bilħaqq li dan hu suċċess, u suċċess meritat iżda mhux biss.
Net News jista’ jikkonferma li l-midalja tad-deheb ta’ Gatt fl-Għawm, li kienet it-tieni waħda tagħha ta’ dan il-kulur f’dawn il-logħob f’Andorra, timmarka il-120 midalja tad-deheb għal Malta fl-edizzjonijiet kollha li saru s’issa, iġifieri mill-ewwel darba f’San Marino fl-1985 sal-bieraħ.
L-ewwel midalja tad-deheb ta’ Malta f’dawn il-logħob kienet mirbuħa fit-tieni edizzjoni tal-GSSE, dawk li kienu saru fl-1987 f’Monaco. Din il-midalja kienet waslet permezz tat-Tennis, meta Carol Curmi u Helen Asciak, 38 sena llu kienu rebħu d-deheb permezz tal-kompetizzjoni tad-doubles tan-nisa.
Minn dak in-nhar sal-lum, qed inmissu mal-20 edizzjoni, u Malta kibret edizzjoni wara l-oħra f’dawn il-logħob tant li l-bieraħ ilħaqna tragward sabiħ tal-120 midalja tad-deheb mirbuħa minn pajjiżna fl-edizzjonijiet kollha ta’ dawn il-logħob.
Bl-istess mod, l-ammont ta’ midalji tal-fidda li rebħet Malta sal-lum fl-istorja tal-GSSE, issa qed jammonta għal 188 midalja, filwaqt li l-ammont ta’ midalji totali li ntrebħu minn pajjiżna matul is-snin ta’ lewn il-bronz, bl-ammont mirbuħ f’Andorra s’issa, jammontaw għal 243 midalja. B’hekk l-ammont sħiħ ta’ midalji li Malta rebħet fl-edizzjonijiet kollha tal-GSSE sal-bieraħ jammonta bl-eżatt għal 551 midalja.
Fil-klassifika ġenerali tal-midalji ta’ kull żmien mirbuħa mill-pajjiżi ż-żgħar, Malta b’dawn l-ammont tinsab fil-ħames post minn fost disa’ pajjiżi, b\Ċipru tinsab fl-ewwel post fil-klassifika overall.
L-awgurju tagħna hu wieħed. Baqa’ jumejn, illum u għada huma ġranet importanti fejn nistgħu nirbħu bil-wisq aktar midalji, imkluż tad-deheb u nkomplu ntejbu r-rekord li diġa’ ksirna. J’Alla dan ikun il-każ u j’Alla nibqgħu nirrapurtaw aktar rebħ ta’ midalji, speċjalment dawk ta’ lewn id-deheb.
Forza Malta.
//= $special ?>