Skont id-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza għas-Saħħa Pubblika javża li sakemm joħroġ avviż ieħor mhux rakkomandat li jsir għawm Bejn A07-Fajtata u A08-il-Bajja ta’ San Tumas kif immarkata b’linja oranġjo. Dan minħabba żbroff ta’ ilma maħmuġ li ħareġ minn ġol-culvert tax-xita li spiċċa fil-baħar.
Dan possibbilment jista’ jippreżenta riskju għas-saħħa tal-għawwiema. L-uffiċjali investigaw u ddeterminaw is-sors tal-kontaminazzjoni li kien ġej minn ġo ristorant. Ittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex jitneħħa l-inkonvenjent.
Tabelli li jindikaw iż-żona ġew imwaħħla fis-sit. Meta l-kwalità tiġi restawrata, it-tabelli ser jitneħħew u tinħareġ stqarrija għall-istampa oħra biex tinnotifika lill-pubbliku li s-sit huwa mill-ġdid tajjeb għall-għawm.
Għal aktar informazzjoni, il-pubbliku jista’ jċempel lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fuq numru tat-telefown – 2133 7333 mit-8:00 a.m. sas-2:30 p.m. jew jibgħat email fuq wrau.ehd@gov.mt. Il-pubbliku huwa ġentilment mitlub iżur il-paġna tad-Direttorat.
//= $special ?>