Opinjoni

OPINJONI: Flimkien possibbli

Flimkien u id f’id irridu ta’ kuljum niġġieldu biex insaħħu u nseddqu d-demokrazija. Mingħajrkom ma nagħmlu xejn. Id-demokrazija mibnija fuqkom.

minn Michaela Ann Bayliss
Kunsilliera PN
Kunsill Lokali
Mosta

Nemmen f’pajjiż demokratiku u għalhekk nemmen fil-poplu Malti u Għawdxi.
Nieħu gost inkun fost in-nies; nieħu gost ngħin lin-nies; u għalhekk nemmen fil-politika.
Irrid il-futur tiegħi u tal-ġenerazzjoni tiegħi jkunu f’pajjiż demokratiku.
Irrid ngħix f’pajjiż b’istituzzjonijiet demokratiċi; b’governanza u b’elezzjonijiet demokratiċi li huma l-bażi tas-soċjetà li ngħixu fiha.
Elezzjonijiet li jirrifletti r-rieda tal-maġġoranza waqt li nirrispettaw l-opinjoni tal-minoranza.
Din hi l-bażi tad-demokrazija u għalhekk il-bażi ta’ soċjetà Ewropea u s-soċjetà Maltija.
Is-soċjeta Maltija li aħna fil-PN tant ħdimna biex tkun mibnija fuq il-valuri tad-demokrazija u tal-libertà. Dawn huma pilastri tant għeżież għall-PN; pilastri għeżież ukoll għall-poplu Malti għaliex il-PN jirrifletti dak li verament iħoss u jemmen fih il-poplu.
Il-poplu Malti jaf tajjeb kemm il-PN kien il-promotur ewlieni biex il-poplu Malti reġa’ kiseb id-demokrazija u dak li l-PN kiseb għall-poplu Malti mhux se nħalluh jintilef.
Dak li ġara f’Ħal Għargħur hu xokk qawwi għad-demokrazija fil-pajjiż. Din mhix biss kwistjoni tal-komunità ta’ Ħal Għargħur imma hija kwistjoni li tolqot lill-pajjiż kollu.
Illum qed nerġgħu nesperjenzaw dak li l-familji tagħna esperjenzaw fis-snin tmenin meta l-Partit Laburista kien ħataf taħt idejh il-Gvern u kkontrolla pajjiż b’minoranza. Il-prinċipji huma l-istess.
Illum fir-raħal trankwill ta’ Ħal Għargħur, il-Partit Laburista għamel manuvra biex jisraq il-maġġoranza tal-Kunsill Lokali. U dan minkejja li għandu minoranza assoluta ta’ voti. Dan hu atteġġjament tal-mistħija!
Il-Partit Laburista qed jagħmel dak li jmur kontra l-prinċipji tad-demokrazija. Qed jippretendi li jiggverna Kunsill Lokali, meta għandu biss 35% tal-voti. Irid il-PL li jsikket u jwarrab maġġoranza ta’ 65% tal-votanti tal-Għargħur biex ikun hu li jikkontrolla dan il-kunsill lokali.
U perikoluż iktar li jkollna lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-PL u lil diversi Ministri Laburisti li minflok jesprimu l-prinċipji tad-demokrazija, jitkellmu kontra tmexxija mill-maġġoranza u favur kontroll mill-minoranza tal-PL.

Solidarjetà
Għalhekk filwaqt li nuru solidarjetà ma’ Helen Gauci u Marilena Galea li tant nammira u nirrispetta. Solidarjetà wkoll mar-residenti li qed jaraw il-vuċi tagħhom tkun imkażbra.
Imma ma naqtgħux qalbna. Minkejja dak kollu li qed jagħmel il-Gvern, il-PN jinsab hawn biex jiddefendi d-demokrazija, biex jiddefendi s-saltna tad-dritt, biex jiddefendi l-governaza, biex jiddefendi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem… id-dritt li l-vot tal-maġġoranza jkun rispettat.
Għax inutli waqqafna l-Kunsilli Lokali… inutli Gvern Nazzjonalista waqqaf dawn il-gvernijiet lokali jekk illum għandna gvern li ma jirrispettax ir-rieda tal-poplu f’dawn il-Kunsilli.
Iżda aħna determinati li dak kollu li wettaqna ma jkunx inutli.
Jien kburija li kont eletta Kunsilliera fil-Kunsill Lokali tal-Mosta. Tafu lkoll kemm kien diffiċli għalina biex tinbidel il-folja fil-Kunsill Lokali tal-Mosta.
Din li qed ngħixu llum f’Ħal Għargħur mhix kwistjoni dwar il-Kunsilli Lokali biss, imma din hi kwistjoni importanti dwar il-komunitajiet; dwar leħen iċ-ċittadini.
Jista’ jkun li jkun hawn min, quddiem dawn iċ-ċirkostanzi, jiddeċiedi jew jikkunsidra li jaqta’ qalbu.
Jiddeċiedi li jieqaf jikkumbatti għad-demokrazija. Iżda le! Dik mhix it-triq ’il quddiem fl-interess tal-poplu.
Aħna nafu li t-triq għad-demokrazija hi twila u iebsa.
Aħna bħala żgħażagħ nafu li hawn min irid ikompli jkisser id-demokrazija… għax in-nuqqas ta’ demokrazija twassal biex ma ssirx ġustizzja; tfisser li tixxekkel il-libertà u tfisser li jkun hawn istituzzjonijiet li ma jaħdmux.
Aħna ma nistgħux nieqfu nagħtu l-ossiġnu lid-demokrazija. Aħna ż-żgħażagħ, il-ħaddiema, il-familja, l-anzjani… irridu lkoll nagħtu s-sehem tagħna favur is-sewwa. Aħna lkoll favur id-demokrazija.
Irridu nkunu kollha flimkien għax id-demokrazija hi ta’ kulħadd; aħna ġġelidna għaliha u mhux se naċċettaw li nitilfuha.
Flimkien irridu nagħmlu kuraġġ u ejja nemmnu fil-politika; ejja ngħaqqdu magħna lil dawk li huma determinati favur pajjiżna. Favur id-demokrazija. Favur ir-rieda tal-maġġornaza.
Dawn huma l-pilasti tas-soċjetà li bihom biss nistgħu nagħmlu l-pajjiż tagħna aħjar.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 25  ta’ Mejju, 2025.