Leone Sciberras
Kandidat
tal-Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista reġa’ afferma b’mod qawwi l-impenn tiegħu biex jipproteġi l-ambjent Malti permezz ta’ għadd ta’ riformi kuraġġużi u b’viżjoni u li jikkuntrastaw b’mod ċar mal-approċċ kajman u xejn reattiv tal-Labour.
Fil-qalba tal-proposti tal-Partit Nazzjonalista hemm impenn kruċjali li jissalvagwarda kwalunkwe estenzjoni tal-iżvilupp, barra miż-żoni ta’ żvilupp (ODZ). Din il-proposta tirrikjedi maġġorazna ta’ żewġ terzi mill-Parlament.
Dan jiżgura kunsens politiku wiesa’ fuq deċiżjonijiet dwar l-użu tal-art u jnaqqas ir-riskju ta’ espansjoni urbana bla kontroll. Fuq kollox dan iservi biex ixekkel il-manipulazzjoni partiġjana fis-sistema tal-ippjanar tagħna.
Sadanittant, il-Labour beda jitkellem fuq idea simili – b’diffett kruċjali fil-verżjoni mressqa minnu, fejn din il-proposta tal-Labour tidħol fis-seħħ biss, wara li l-biċċa l-kbira tal-art li fadal tkun diġà nħatfet u ngħatat lill-iżviluppaturi.
Wegħda tard wisq
Fi kliem ieħor wegħda tard wisq, f’ħin ikkalkulat u żbaljat – bħal meta tagħlaq il-bieb tal-istalla wara li ż-żiemel ikun laħaq ħarab. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jimbotta wkoll għal tisħiħ sinifikanti fid-drittijiet pubbliċi. Fil-futur taħt Gvern Nazzjonalista ċ-ċittadini u l-NGO’s ikollhom id-dritt legali li jikkontestaw il-politika tal-ippjanar fil-Qorti, f’każ fejn id-drittijiet bażiċi tagħhom, inkluż dawk relatati mal-protezzjoni ambjentali, ikunu fil-periklu.
Din il-bidla se tagħti aktar saħħa lill-komunitajiet, treġġa’ lura l-kunfidenza u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet u ddaħħal il-kontabbiltà fl-awtoritajiet tal-ippjanar.
Il-kuntrast ma jistax ikun aktar ċar minn hekk. Filwaqt li l-Labour jibqa’ jitkellem dwar il-protezzjoni ambjentali mingħajr riżultati konkreti, il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta u jfassal pjan serju, strutturat u appoġġjat b’bidliet leġiżlattivi reali.
B’Malta f’mument sensittiv u kruċjali għall-ambjent, tmexxija deċiżiva u b’viżjoni biss, tista’ ddawwar id-direzzjoni u tmexxija lejn kunċett sostenibbli dejjiemi u aktar effiċjenti fir-riżorsi.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 25 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>