minn Joe M. Zahra
Il-Malti jgħid li xkora vojta ma tiqafx. Issa biex l-ixkora tieqaf irridu nieklu. Kemm nieklu ma jiddependix minn kemm jimmarka l-Indiċi tal-prezzijiet bl-Imnut li joħroġ ta’ kull xahar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li skontu l-piż tal-ikel fuq ir-rata tal-inflazzjoni kien anke ogħla minn dak li deher fl-Indici tal-Prezzijiet tal-Ikel tal-‘eurostat’ – 3.9 fil-mija.
L-ikbar nefqa tmur għall-ikel
Il-piż tal-ikel u xorb mhux alkoħoliku fl-Indiċi tal-Prezzijiet hu ta’ 181.7 minn kull 1000. Issa għal min jgħix fuq dħul baxx, għal dawk l-anzjani li għandhom pensjoni ta’ €700 kull erba’ ġimgħat, jekk mhux ukoll inqas, il-piż tal-ikel jaffettwahom ħafna iżjed milli jaffettwa persuni oħrajn bi dħul ogħla. Dan għaliex mingħajr ikel ma tgħixx u għalhekk l-ewwel u l-ikbar nefqa li jkollok tmur għall-ikel.
Nafu li pereżempju f’April l-ikel għola 50 fil-mija iktar mir-rata tal-inflazzjoni u dan ipoġġi piż żejjed fuq dawk vulnerabbli u fuq l-anzjani tagħna. Tasal anke biex tifhem għaliex terz tal-anzjani huma fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u għaliex in-numru ta’ dawn qed jiżdied sena wara l-oħra.
Importazzjoni ta’ ikel
L-importazzjoni tal-ikel hi parti essenzjali mill-ħtiġiet tal-poplu Malti. Infatti pajjiżna jimporta medja ta’ 80 fil-mija tal-ikel kollu li jeħtieġ. Jekk nieħdu l-aħħar sentejn insibu li fl-2023 importajna €930 miljun ta’ prodotti tal-Ikel.
Fl-2024 impurtajna bi €890 miljun. Pajjiżna jimporta minn kollox: frott u ħxejjex, laħam, ħut, ġobon, ħalib u prodotti tal-ħalib u ħafna iktar.
Bil-popolazzjoni dejjem tikber, l-importazzjoni tal-ikel se tikber magħha. Irridu nifhmu li r-raba’ f’pajjiżna qed dejjem jitnaqqar u l-popolazzjoni dejjem qed tikber imbuttata mill-importazzjoni ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin.
Fl-aħħar gwerra dinjija pajjiżna, b’nofs il-popolazzjoni tal-lum u b’art tinħadem it-tripplu u iktar milli hemm illum konna se nispiċċaw immutu bil-ġuħ. Aħseb wara x’kien jiġri llum li kieku ma nkunux f’qagħda li nimpurtaw kulma jkollna bżonn!
Il-prezzijiet tal-prodotti importati ma jiddependux minna. Jiddependu mill-prezzijiet fil-pajjiżi minn fejn jiġu. Li jfisser li jekk dawn jogħlew fil-pajjiż minn fejn nimpurtawhom ikomplu jogħlew f’Malta anke għall-fatt li aħna niddependu fuq it-trasport bil-baħar fejn it-tariffi fl-aħħar snin għolew ħafna.
Grazzi għall-Partit Nazzjonalista fil-gvern il-prodotti tal-ikel ma nħallsux VAT fuqhom. Din kienet deroga li Gvern Nazzjonalista kiseb meta nnegozja s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Hi deroga li għandha biss l-Irlanda. Qabel kellhom ukoll ir-Renju Unit. Kieku ma kellniex din id-deroga ara l-prezzijiet tal-affarijiet tal-ikel kemm kienu jiswew iktar!
X’jista’ jsir
Biex il-prezzijiet tal-affarijiet tal ikel ma jkomplux jogħlew iridu jiġu attakkati fil-laħam il-ħaj. Irridu nsibu rkaptu għaż-żieda fl-ispejjeż tat-trasport. Għal dan il-Partit Nazzjonalista għandu s-soluzzjoni billi mill-gvern ikun lest li jwaqqaf fond apposta li jagħmel tajjeb għal żidiet fit-trasport sew għal min jimporta kif ukoll għal min jesporta.
Kif lest li jagħmel tajjeb għaż-żidiet fil-pagi li jħallsu azjendi ta’ daqs żgħir u medju li sal-lum qed ikollhom jgħaddu ż-żidiet fuq il-konsumatur. Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern jagħti ‘rebates’ biex jagħmel tajjeb għal dawn iż-żidiet u hekk dawn iż-żidiet ma jgħaddux fuq il-konsumatur.
Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern irid ukoll li żidiet għall-għoli tal-ħajja ma jkomplux jiġu intaxxati kif qed isir illum u hekk il-ħaddiema kollha jingħataw iż-żieda sħiħa mingħajr tnaqqis kif hekk hu suppost.
Dawn il-miżuri jwasslu biex il-ħajja ma tidħolx f’ċirku vizzjuż fejn iktar għoli fil-prezzijiet iwassal għal iktar żidiet għall-għoli tal-ħajja li fl-aħħar mill-aħħar żidiet li jħallsuhom kull wieħed u waħda minna.
Indiċi tal-prezzijet għall-anzjani
Kif ilha tipproponi għal ħafna żmien l-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN) għandu jkun hemm indiċi li jkopri biss il-ħtiġiet tal-pensjonanti u l-anzjani.
Ħafna mill-piżijiet li jidhru fil-mod kif jinbena l-indiċi tal-prezzijiet ma jaffettwawx lill-anzjani bl-istess mod kif jaffettwaw lil dawk ta’ inqas minn 65 sena. Għalhekk il-ħtieġa ta’ indiċi li jkejjel il-ħtiġiet tal-anzjani biss.
L-għoli tal-ħajja hu fenominu li ma jiqafx. Hu fenominu li jerfa’ rasu kuljum. L-għoli tal-affarijiet tal-ikel qed jikber minn jum għall-ieħor u mistenni li jkompli jikber jekk it-theddid tal-President Amerikan Donald Trump li jagħmel tariffi ta’ 50 fil-mija fuq dak kollu impurtat mill-Unjoni Ewropea jinbidel f’realtà.
Il-problema taggrava jekk mat-tariffi fuq dak li nimpurtaw mill-Istati Uniti l-Unjoni Ewropea timponi kontro tariffi. Kif ikun xieraq.
Dan kollu jrid jiġi studjat biex dawn iż-żidiet fl-għoli tal-prezzijiet ma jolqtux ħażin lil min hu diġà mgħattan.
Hu għall-Gvern li jisma’ x’inhuma s-soluzzjonijiet li qed joffri ħaddieħor, inklużi dawk li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista. Sta għall-Gvern li joħroġ b’soluzzjonijiet li jnaqqsu l-piż minn fuq dahar il-poplu u l-iktar minn fuq dawk vulnerabbli.
L-għoli tal-ikel jolqot lil kulħadd. Iżda mhux kulħadd jintlaqat l-istess. L-għoli tal-ikel jimpatta b’saħħa l-Indiċi tal-prezzijiet u allura l-għoli tal-ħajja.
Quddiem iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-aħħar erba’ xhur il-Gvern messu diġà qed jipproponi u jwettaq soluzzjonijiet.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 30 ta’ Mejju,
//= $special ?>