Lokali

Petizzjoni biex l-iljuni jiġu rrilokati

Wara numru ta’ laqgħat mal-membri tal-Gvern kif ukoll protesta quddiem il-VRD fejn talbu għal trattamet xieraq tal-annimali, issa il-programm Vuċi Għall-Annimali qiegħed jitlob lill-pubbliku sabiex jiffirma petizzjoni li issejjaħ għal infurzar sħiħ tar-regolamenti ta’ Malta dwar annimali perikolużi u żoos.

Vuċi Għall-Annimali qed tagħmel dan flimkien ma’ Animal Libertion Malta wara li 4 iljuni u leoparda nżammu illegalment fin-Naxxar għal kważi disa’ xhur u kien ftit tal-ġimgħat ilu li ġew mċaqalqa lejn ir-Rabat u ġew irreġistrati; iżda għadhom jgħixu f’kundizzjonijiet mhux xierqa. Dan kien konfermat anke minn filmati li kienu qed jiġu ċċirkolati fl-aħħar sigħat.

Intant din il-petizzjoni għandha numru ta’ talbiet: fosthom konfiska immedjata tal-annimali tan-Naxxar, u infurzar sħiħ ta-Liġijiet dwar il-Benesseri tal-Annimali.

Il-petizzjoni titkellem ukoll dwar l-infurzar tar-regolamenti ġodda dwar in-neutring u żjarat annwali għand veterinarju speċjalizzati għall-annimali kollha kkunsidrati perikolużi. Dan flimkien ma talba għall-ħolqien ta’ Reġistru nazzjonali tad-DNA – biex jiġu mmonitorati u traċċati annimali perikolużi u tiġi żgurata konformita mal-liġi u t-tmiem tal-importazzjoni illegali ta’ Annimali Eżotiċi.