Lokali

“Robert Abela + Clyde Caruana = Rekord ieħor ta’ dejn għal Malta” – PN

Robert Abela waħdu għamel dejn għal Malta daqs il-Prim Ministri ta’ qablu kollha f’daqqa, bid-dejn issa jlaħħaq kważi €11-il biljun

Minkejja li l-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ ma ħareġ bl-ebda soluzzjoni għall-akbar problemi tal-Maltin u l-Għawdxin, fosthom l-għoli tal-ħajja, il-qerda ambjentali, it-traffiku, u l-problemi infrastrutturali fl-edukazzjoni u s-saħħa, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana rnexxielhom jiksru rekord ieħor tal-akbar ammont ta’ dejn li pajjiżna qatt kellu fl-istorja tiegħu. Malta qatt ma kellha daqsekk dejn. Robert Abela u Clyde Caruana għamlu dejn rekord.

Dan huwa kkonfermat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li fi statistika oħra li ħareġ illum qal li f’April id-dejn tal-pajjiż issa jlaħħaq kważi l-€11-il biljun. Robert Abela huwa responsabbli għal nofs dan id-dejn kollu. Pajjiżna kellu dejn ta’ ftit iktar minn €5 biljun meta Abela ħa post Joseph Muscat. Dan ifisser li d-dejn tal-Gvern Malti, taħt Robert Abela aktar milli rdoppja. Robert Abela sar sinonimu mad-dejn. Fl-aħħar sena Robert Abela għamel €908 miljun f’dejn, jiġifieri kważi €2.5 miljun f’dejn ġdid kuljum.

Dan waqt li tal-qalba jkomplu jitħanżru, kif qalu esponenti tal-Gvern stess. Dan ir-rekord ta’ dejn qed iwassal għal rekord ieħor – dak fuq l-imgħax li qed ikollu jħallas il-Gvern mit-taxxi tal-poplu. Illum l-imgħax li qed inħallsu fuq id-dejn jaqbeż id-€94 miljun u fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena żdied b’aktar minn €11-il miljun meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel.

Clyde Caruana, wara li sploda lil Malta u Għawdex bil-barranin, sploda d-dejn tal-pajjiż ukoll. Id-dejn qed ikompli jitla’ xahar wara xahar u l-batut qed ikompli jingħasar.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif stħarriġ fost imprendituri ewlenin sab li Malta qed issir pajjiż inqas attraenti għall-investiment.

Iż-żieda allarmanti fid-dejn hija konferma oħra tal-falliment ta’ Robert Abela biex jegħleb l-isfidi li għandhom quddiemhom il-familji Maltin u Għawdxin li ta’ kuljum qed jaraw il-prezzijiet jogħlew u d-dħul tagħhom jinxtorob dejjem aktar malajr.

Dan intqal fi stqarrija minn Graham Bencini ix-Shadow Minister għall-Finanzi u Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża.