Raġel ta’ 43 sena li huwa ‘homeless’ ġie kundannat tliet snin ħabs mill-Maġistrat Noel Bartolo wara li ammetta li fil-5 ta’ Mejju li għadda daħal f’appartament f’San Ġiljan, bl-iskop li jwettaq serqa u għamel ħsara ta’ fil-bieb li tiskorri l-elfejn ewro. Huwa ammetta wkoll li wettaq serqa nhar l-Erbgħa, ta’ par ‘headphones.’
Jamal Al Badawi, li qal li m’għandux impieg, huwa mwieled il-Greċja u li huwa magħruf sew mal-Pulizija, ammetta li wettaq l-ewwel reat bejn il-5pm. u s-6.30pm. fi Triq Salvu Privitera u li bl-imġieba tiegħu kkaġuna biża li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront ta’ żewġ persuni.
Huwa ammetta wkoll li nhar l-Erbgħa, li għadda bejn is-2pm. u 3.30pm. fi Spinola Park, San Ġiljan, attakka u hedded raġel Ċiniż li ried jeħodlu l-mobajl u għax dan ma riedtx jagħtiulu, kissirlu l-‘headphones’, li l-valur tagħhim ma jeċċedux il-250 ewro.
Al Badawi ammetta wkoll li kkaġuna biża li se tintuża vjolenza kontra l-vittma, li għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ, li waqt ir-reat kiser ordni ta’ probation mogħtija fi Frar li għadda u li sar riċediv. L-Avukat tal-għajnuna legali Victor Bugeja ma kkontestax il-validità tal-arrest, bl-akkużat jikkonferma l-ammissjoni wara li l-Qorti tagħtu ċans jerġa’ jaħsibha u nfurmatu li dawn l-akkużi jfissru sentenza ta’ ħabs effettiva.
Meta saret it-tratazzjoni għall-piena l-prosekuzzjoni qalet li kienet qed titlob ma’ dik ta’ tliet snin priġunerija, li hija fiċ-ċirkostanzi fil-minimu u qalet ukoll li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija. Il-prosekuzzjoni rrakkomandat ukoll li Al Badawi jingħata l-għajnuna minħabba l-problema tad-droga li għandu.
Id-difiża qablet u talbet lill-Qorti biex huwa jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Qorti minbarra l-piena ta’ tliet snin ħabs ordnat lill-ħati jirrifondi s-somma ta’ 2,742 ewro tal-ħsara li kkaġuna lill-vittmi.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Manuel Grech mill-uffiċċju tal-AĠ u l-Ispetturi Jonathan Cassar u Nico Zarb. Għal Al Badawi deher l-Avukat tal-għajnuna legali Victor Bugeja.