Tasal it-tielet midalja tad-deheb għal Malta f’din l-aħħar ġurnata tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u għal darb’oħra jerġgħu jkunu l-koppja tal-Għawm Artistiku, Ana Culic u Thea Grima Buttigieg li ċċelebraw it-tieni midalja tad-deheb tagħhom flimkien, f’temp ta’ ftit sigħat.
Dalgħodu din l-istess koppja Maltija saru jafu li l-protest li resqu l-Kumitat Olimpiku Malti, wara li Curic u Grima Buttigieg ingħataw il-fidda fl-evemt tal-Women Duet Technical, ta raġun lill-Maltin, u l-kulur tal-midalja mirbuħa l-bieraħ minn Malta f’din il-kompetizzjoni inbidel għal waħda tad-deheb.
Kmieni llum wara nofs in-nhar, biż-żewġ għawwiema b’moral għoli wara li kienu għadhom kemm rebħu l-ewwel midalja storika tad-deheb f’dan l-isport, f’edizzjoni tal-GSSE, reġgħu kienu f’forma mill-aqwa, u fil-Finali tal-Women’s Duet Free, huma ddominaw lill-bqija tal-avversarji tagħhom, meta kienu mogħtija punteġġ għoli ferm, meta mqabel ma’ dak tal-bqija, biex rebħu t-13-il midalja tad-deheb għal Malta f’Andorra.
Bin-numru ta’ midalji mill-Maltin dejjem jiżdied, l-ammont totali, ta’ kull lewn, issa jissupera l-50 midalja u ninsabu għal kwota ta’ 52 midalja; 13-il midalja tad-deheb, 22 tal-fidda u 17 tal-bronz.
Jekk ninsew l-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li kienet saret f’pajjiżna, u s-suċċess tagħha kien bla preċident, l-ammont ta’ midalji mirbuħa f’Andorra f’din l-edizzjoni ffisser li mill-20 edizzjoni ta’ dawn il-logħob din se tkun it-tieni l-aqwa waħda f’termini ta’ suċċess u rebħ ta’ midalji, wara l-edizzjoni tal-2023.
Fadal ċans għal aktar rebħ? Mhux li tant baqa’ wisq dixxiplini u kompetizzjonijiet jintlagħbu iżda ejjew inkunu pożittivi u nittamaw f’aktar. L-egoiżmu għal aktar rebħ f’dan il-każ u aċċettat għaliex qed nitkelmu fuq suċċess ta’ pajjiż sħiħ fl-isport.
//= $special ?>